L-ex Prim Ministru Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li jekk in-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-UE jkunu estiżi sempliċiment biex ikun pospost Brexit bla ftehim is-sitwazzjoni ssir diżastruża. Alfred Sant għamel dan l-intervent waqt id-dibattitu ‘Tħejjija tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2019 u l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE’ fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Alfred Sant qal li probabbli se jkun hemm talba għall-estensjoni tan-negozjati tal-Brexit. Iżda biex l-għan jintlaħaq u jitwaqqaf l-istaġnar, ir-Renju Unit irid iressaq viżjoni ċara ta’ x’relazzjoni tixtieq mal-UE quddiem il-mexxejja u l-Gvernijiet tal-pajjiżi Ewropej.
“Din il-viżjoni bħalissa hija nieqsa.”
Alfred Sant qal li kemm jitwal dan iż-żmien għandu jiddependi fuq din il-viżjoni, u wkoll fuq sa fejn l-UE lesta tinnegozja. In-naħa Ewropea għad trid tagħmel il-pożizzjoni tagħha aktar trasparenti.
“Pereżempju, fir-rigward tal-backstop għall-Irlanda ta’ Fuq, huwa veru li ġiet injorata proposta mfassla fuq is-sitwazzjoni bejn il-Punent u l-Ġermanja tal-Lvant fil-passat? Jekk iva, għaliex?”
Alfred Sant qal li jekk il-ftehim tal-irtirar ma jistax jiġi nnegozjat, ma jagħmilx sens li tkun permessa l-kontinwazzjoni tan-negozjati għal perjodu ħafna itwal, jiġifieri, wara l-jum tal-elezzjoni tal-UE. Il-kontroversji li għaddejjin fis-sistema politika Brittanika, mhux se jgħinu. Jekk l-estensjoni possibbli tintuża biex timbotta għat-tieni referendum il-pajjiż jista’ jersaq lejn aktar kaos. Min-naħa l-oħra jkun diżastruż kieku l-estensjoni sservi biss biex tipposponi Brexit bla ftehim.