Il-Ħamis 3 ta’ Marzu, il-programm ta’ kuljum fuq ONE, iċċelebra l-1,600 programm. Dan il-programm li kien beda fl-iskeda tal-ħarifa tal-2015 baqa’ jżomm kumpanija ta’ kuljum lis-segwaċi tiegħu.
”L-għan prinċipali ta’ Espresso dejjem kien li jżomm kumpanija ta’ kuljum. Hekk bdejna u s’issa hekk għadna għaddejin ġurnata wara l-oħra. Impenjajna ruħna li jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi, Espresso, fejn huwa possibli, jibqa’ hemm. Konna mas-segwaċi anke fl-iskedi tas-Sajf, fil-festi, f’kampanji elettorali u saħansitra anke fl-eqqel tal-pandemija. Mhux dejjem kienet faċli u għalhekk inrodd ħajr lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu parti minn dan il-vjaġġ ta’ kuljum. Il-ħidma tkompli…”
WAYNE AQUILINA – PREŻENTATUR U PRODUTTUR TA’ ESPRESSO
Espresso tul dawn is-7 snin ixxandar f’ħinijiet differenti, normalment filgħodu, iżda anke kmieni u tard wara nofsinhar. Bħalissa, waqt il-kampanja elettorali, Espresso qed jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9am san-12:30pm. Wayne Aquilina, l-preżentatur ewlieni jkun akkumpanjat minn Josette Sciberras u l-komika Agnes Pandolfino.