Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ u r-Riċerka nieda espressjoni ta’ interess għal dawk il-gyms f’pajjiżna biex jidħlu fl-iskema mħabbra fil-Baġit għal din is-sena, imsejħa Youth Fitness Support Scheme.
Din l-iskema, li se tara li żgħażagħ, li twieldu bejn l-2005 u l-2007, ikollhom sitt xhur sħubija b’xejn f’xi gym, b’valur sa €450, hi parti mill-prijoritajiet nazzjonali għall-promozzjoni tas-saħħa u l-iżvilupp taż-żgħażagħ.
L-iskop ewlieni hu li tinħoloq aktar kuxjenza fuq is-saħħa fost iż-żgħażagħ, li wkoll jgħin fis-sistema tas-saħħa pubblika fit-tul.
Dan anke fid-dawl tar-rati għoljin ta’ obeżità f’Malta, bi tbassir ukoll jissuġġerixxi li ’l fuq minn terz tal-adulti se jkunu obeżi sa ħames snin oħra.