Il-gazzetta Maltatoday irrapportat kif l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, espona d-dikjarazzjonijiet foloz li kompla jxerred il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Kollox kien beda minn artiklu forma ta’ fact-checker tat-Times, li kien stħarreġ dwar dikjarazzjoni ta’ Grech fil-Parlament dwar numri marbutin mal-popolazzjoni.
Biex joħloq paniku u biża’, Grech kien qal, kif mill-2013 lil hawn, il-popolazzjoni rdoppjat, iżda, kif jiġi rrapportat ukoll mill-Maltatoday, l-NSO wera li l-fatti huma mod ieħor u dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni mhuwiex minnu.
Fil-fatt Grech ipprova jitfa’ ħafna dubji dwar il-veraċità tal-istatistika, iżda l-NSO wieġbet mal-Maltatoday u tenniet li l-popolazzjoni residenti fil-pajjiż tqis kollox, inkluż immigranti irregolari.
Sa ftit tal-jiem ilu, Grech kompla jmeri s-sewwa magħruf u saħansitra sfida u attakka lill-midja fuq il-fact check li sar u li ħarġu ta’ giddieb.
Fil-każ ta’ dak li qal Grech hu ċar li kien qed iqarraq u hu ferm ’il bogħod mill-verità u b’ittri kbar ħomor kitbulu ‘FALSE’.
B’riżultat ta’ dan, Grech attakka dan il-fact-check u ġimgħat wara reġa’ sfida xogħol il-midja waqt li kien fil-Każin Nazzjonalista tal-Mellieħa.
Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista nqabad ixerred il-fake news.
Fl-aħħar jiem fact check ieħor giddeb lill-Partit ta’ Bernard Grech u l-midja tiegħu meta pprova jagħti l-impressjoni li kienet saret xi inkjesta pubblika fuq it-traġedja tat-Tarzna, li fiha mietu disa’ ħaddiema.
Minn analiżi li saret irriżulta li fi żmien Gvern Nazzjonalista qatt ma twettqet inkjesta pubblika .