Il-Whip tal-grupp Parlamentari Laburista, Glenn Bedingfield, espona l-ipokrezija politika ta’ diversi kelliema tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament.
Wara li diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-condominia, serviet biex kelliema tal-Oppożizzjoni jiftħulha fuq kollox għajr għas-suġġett fuq l-aġenda, Bedingfiled kien ċar li l-kelliema Nazzjonalisti ma tantx jistgħu jkunu kredibbli fuq l-etika u l-korretezza politika.
Fost dawn hemm id-Deputat Beppe Fenech Adami, bid-Deputat Bedingfield jagħti eżempju wieħed wara ieħor.
Fosthom kif Fenech Adami kien isemma f’investigazzjoni fejn kien hemm kumpanija, li kien jisimha Capital One li kienet investigata fuq qligħ li kien ġej minn droga u ħasil ta’ flus u l-investigazzjoni dak iż-żmien kienet waqfet ħesrem meta tfaċċa isem Beppe Fenech Adami, li kien involut fil-Ministeru responsabbli mill-pulizija.
Il-Whip tal-Gvern qal
“Ħa nfakkru x’sabet l-inkjesta… L-investigazzjoni waqfet wara li tfaċċa ismu. In-nies jistaqsu. Allura din kumbinazzjoni? U Eddie Fenech Adami biex nikkwotah u nħobb nikwotah, jgħid li f’dan il-pajjiż ma jeżistux il-kumbinazzjonijiet. U jekk ma nemmnu f’xejn f’din nemmnu.”
Bedingfield fakkar kif fl-istess żmien, sar magħruf li l-kont ta’ Fenech Adami kien wieħed miljunarju.
Huwa tenna
“Ma jidhirlix li hu wieħed mill-aqwa avukati li għandna f’pajjiżna. Imma taf x’ngħid li qatt ma laqa’ l-isfida li joqgħod għal tax audit. Basta jitkellem fuq ħaddieħor.”
Dan hu l-istess bniedem li qamu dubji dwar il-proprjetà tiegħu.
Li saħansitra gawda mill-ħniżrijiet ambjentali tal-2006, b’dawk li kienu warajhom huma l-konsulenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech illum.
Bedingfiled wera wkoll bil-fatti kif sensiela ta’ emails li juru kif il-klijenteliżmu ta’ żmien Gvern Nazzjonalista kien ikkordinat minn Kastilja.
Bedingfiled qal
“Jgħidlu għini nimpjega lill-… mhux se nsemmi ismijiet imma f’din l-email hawn l-ismijiet. L-Onor. Chris Said qed jibgħat lil dak iż-żmien Ray Bezzina li llum hu konsulent jew Segretarju tal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-istess email oħra mibgħuta mill-istess Bezzina kkopjat il-Ministru Pullicino. U hawn emails oħrajn. Ikkupjat il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, il-mara tiegħu Katerine Gonzi. Ma nafx fiex daħlet. Il-Prim Ministru talabni nirrakkomanda lil… Din kienet ġa bdiet il-kampanja elettorali. U llum jiġu jattakkaw lil dan il-Gvern.”
Id-Deputat Bedingfield saħaq kif dawn huma biss ftit eżempji li jissemmew mhux biex wieħed jaqa’ fl-istess narattiva tal-Oppożizzjoni, iżda li juri r-realtà x’inhi.
Temm jgħid
“Insemmihom dawn l-affarijiet biex nuri kemm dawn in-nies li hawn quddiemi mhumiex kredibbli.”