F’dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali ġie espost il-gideb tal-Oppożizzjoni mbuttat mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius dwar is-settur agrikolu.
Peter Agius ipprova jħawwad u jalludi li fuq skemi ta’ għajnuna, bidwi Sqalli jieħu aktar minn dak Malti iżda l-fatti juru mod ieħor.
Skema dwar dħul bażiku għall-bidwi, dak Taljan jieħu mal-€200 għal kull ettaru filwaqt li dak Malti jieħu €560 għal kull ettaru.
Skema oħra li tinċentiva bdiewa żgħażagħ, fl-Italja l-bdiewa żgħażagħ jieħdu mal-€200 għal kull ettaru filwaqt li dawk f’Malta l-għotja kienet tiżboq il-€500 u issa l-għotja telgħet sa €700 għal kull ettaru.
Dan jikkonferma għajnuna ferm aktar b’saħħitha għall-bdiewa Maltin minn dawk fl-Italja anki ma’ dik marbuta mal-produzzjoni tat-tadam, kif spjega l-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul meta wieġeb għal karta li beda jxejjer Peter Agius b’affarijiet skorretti.
Qal, “Il-bdiewa li jkabbru t-tadam hawn Malta jistgħu jieħdu sat-€8,500. U dawn l-affarijiet Peter u f’dawn l-iskemi li qed jagħmel hawnhekk u f’dawn il-grafika li qed jagħmel hawnhekk, Peter Agius ma jgħidhomx. Jew għax jibża’ jew għax jigdeb. Mela din żommha int!”
Fil-programm il-Partit Laburista permezz ta’ Steve Ellul ta s-soluzzjonijiet għal sfidi tal-bdiewa u r-raħħala, b’ewlenin fosthom dawk li diġà qed iseħħu bil-kisbiet ta’ derogi iżda anki ħtieġa biex l-Unjoni Ewropea ma tibqax għaddejja b’politika ta’ one size fits all u tara li l-bidliet li ġġib anki tara kif se tolqot ċertu sfidi partikolari li ċertu stati membri għandhom, bħal pajjiż żgħir bħal Malta.
Intqal ukoll li fi ftehimiet kummerċjali ma’ pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea għandha turi sensittività u ma toħloqx kompetizzjoni inġusta ma’ bdiewa Ewropej, inkluż dawk Maltin.
Steve Ellul semma wkoll il-ħtieġa ta’ tnaqqis ta’ burokrazija għall-aċċess ta’ fondi Ewropej għall-bdiewa.
Dwar fondi Ewropej, Steve Ellul innota kif Peter Agius ipprova jbeżża’ b’politika populista, li pajjiżna se jikseb ferm inqas għall-bdiewa meta fil-fatt kiseb id-doppju.
Qal, “Peter Agius mar fuq facebook u jpenġilna fuq il-White board għax nieħdu pjaċir bil-likes apparentement illi Malta, pajjiżna kienet se ġġib mitejn miljun ewro anqas fondi Ewropej. Anzi qalilna li konna ħa nġibu anqas li kien ġab il-Prim Ministru Gonzi għaxar snin ilu. Dik hija l-politika tal-biża’. Minflok ħdimna bis-serjetà u rajna li mhux talli ġibna anqas minn ġab il-Prim Ministru Gonzi talli ġibna d-doppju tal-fondi Ewropej illi kien ġab Gonzi qabel.”