Esponent ieħor tal-establishment Nazzjonalista Godfrey Leone Ganado infexx f’tgħajjir dispreġjattiv fil-konfront tal-Prim Ministru u saħansitra ta’ bintu.
F’kitba fuq facebook, Leone Ganado, li anki darba kiteb biex isir bojkott fuq dawk li sejħilhom ħwienet Laburisti, għajjar bogan lill-Prim Ministru u skontu dan it-tgħajjir dispreġjattiv se jibqa’ wkoll ma’ bint il-Prim Ministru għal għomorha.
Leone Ganado huwa esponent li ħadem għal Bernard Grech tant li kien jikteb artikli fil-ġlieda għal Kap bejn Grech u Adrian Delia.
Dan wara li kien fost l-ewlenin biex tqaċċat Adrian Delia fosthom bil-preżenza tiegħu barra Sant’Anton meta d-Deputati tal-Blue Heroes marru għand il-President biex jisfiduċjaw lil Delia, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni.
Leone Ganado kien qed jikkummenta fuq kitba ta’ Austin Sammut, ieħor li jitkellem ħafna fuq ix-xandir fosthom fuq il-midja Nazzjonalista.
Saħansitra dan Sammut kien qal li l-Laburisti tbellalgħhom kif trid.
Sammut fisser bħala ftit pocket money dak li deher jirreferi għall-għajnuna lill-familji fil-Budget; bħaż-żieda ta’ €250 għat-tfal kollha fiċ-children’s allowance, żieda oħra fil-pensjonijiet u l-għotja lill-ġenituri ta’ €1,500 għall-uliedhom li jkomplu jistudjaw.
Huwa nfexx anki jikkritika lil dawk li kkummentaw b’mod pożittiv fuq il-Budget.
Hekk kif tħabbar il-Budget, il-korpi kostitwiti kienu tkellmu dwar Budget soċjali filwaqt li rrimarkaw għal dak li xtaqu jaraw u kkummentaw fuq prinċipji li jħares lejhom il-Budget tal-Gvern għas-sena d-dieħla.