Esponenti tal-establishment Nazzjonalista ħarġu jiddefendu lil Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, Deputati tal-Blue Heroes li fetħu kawża personali kontra membri fi Tribunal Industrijali għaliex ma qablux ma’ deċiżjoni li ttieħdet.
Fi kliem ieħor fittxew personalment lill-ġudikanti li taw deċiżjoni li ma għoġbithomx.
Fit-Times, Andrew Borg-Cardona ddefenda lil Azzopardi u Comodini Cachia, Avukati li fetħu l-kawża f’isem il-UPE, unjin li trid li l-Learning Support Educators ikunu distinti mill-għalliema, allavolja parti mill-professjoni ta’ edukaturi.
Borg-Cardona nfexx f’tgħajjir fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul għaliex dan f’isem il-Gvern indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn espona l-aġir bla preċedent ta’ Azzopardi u Comodini Cachia u qal li l-Gvern qed jagħti l-appoġġ quddiem l-attakk inġust li għandu skop jipprova jwerwer l-istituzzjonijiet.
Is-Segretarju Parlamentari kien sostna li l-Gvern qatt ma jista’ jaċċetta sitwazzjoni fejn membri li jservu lill-pajjiż jispiċċaw b’kawża personali kontrihom minħabba deċiżjoni li ħaddieħor ma jaqbilx magħha fuq il-mertu.
“Dan huwa attakk inġust u sproporzjonat,” irrimarka Dr Ellul hu u spjega kif il-Gvern se jappoġġja lit-tliet membri billi jkopri l-ispejjeż għall-assistenza legali.
Iżda Andrew Borg-Cardona, li jkun fl-attivitajiet ta’ Repubblika u ftit ilu rtira kawża ta’ libell f’isem David Thake kontra l-istazzjon ONE, infexx f’attakki dispreġjattivi kontra Andy Ellul billi qallu li huwa relattivament insinjifikanti.
Il-boċċa, kif inhu mlaqqam fil-kurituri tal-Qorti, huwa esponent ewlieni tal-establishment Nazzjonalista u fl-eqqel tal-ġlieda biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap huwa kien qal li hemm Nazzjonalisti tal-ewwel u tat-tielet klassi, b’dawk mal-fazzjoni Delia laqqamhom bħala tat-tielet klassi.