L-abbuż u t-tbażwir fl-irċevuti mħallsin lill-esperti mqabbdin fl-inkjesta tal-isptarijiet mhux biss beda minn qabel intagħżlu tali professjonisti, iżda saħansitra komplew sat-tlestija tal-abbozz finali tar-rapport u anke wara.
Hu evidenti li t-taħwid, li sewa lill-fondi pubbliċi miljuni kbar ta’ ewro, kien biss ir-riżultat ta’ nuqqas ta’ kontroll jew verifikar fil-proċess biex isiru l-ħlasijiet.
Dawn suppost kienu qed jiġu vverifikati mill-Maġistrat inkwirenti Gabriella Vella kull darba li tressqu quddiemha qabel eventwalment tathom il-barka tagħha biex jitħallsu.
Irċevuti li jonqsu minn kull professjonalità li tistenna għal ħlasijiet kbar kif inhu fil-każ ta’ din l-inkjesta kontroversjali u li l-Maġistrat għażlet li tħallihom għaddejjin.
Minn dawn il-ħlasijiet, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, li issa qed jirrifjuta akkost ta’ kollox li jixhed b’xi mod fil-kawżi li nfetħu fuq l-istess rapport tiegħu, tħallas iżjed minn €11-il miljun.
B’riżultat tal-abbużi flagranti li seħħew, jirriżultalna issa li grupp ta’ esperti bagħtu rċevuti għal xogħol f’perjodu li ma kienx hemm ħtieġa tiegħu.
Fil-fatt kontijiet ta’ iżjed minn €400,000 tħallsu lil digital forensic examiners wara li l-abbozz finali kien diġà ġie ppreżentat minn Harbinson fl-aħħar ta’ Ġunju tal-2023, meta xogħolhom bilfors kien lest qabel dakinhar.
Fil-qasam ġudizzjarju, digital forensic examiner hu l-espert li jitqabbad biex jirkupra dejta minn apparat bħal mowbajls u kompjuters jew minn teknoloġiji li jaħżnu xi forma ta’ dejta, bħall-cloud. Hu magħruf kif, sa mill-bidu tal-inkjesta fl-2020, ġew elevati diversi sorsi diġitali minn diversi individwi u kumpaniji.
Għal dan ix-xogħol, il-kumpanija ANSEC IA Limited tħallset total ta’ ftit inqas minn €776,000 mill-Qorti għar-rapport li ppreżentat fl-inkjesta.
Minkejja dan, ONE News hu informat li kważi 60% ta’ din l-ispiża kienet għal xogħol li l-esperti rrapportaw fil-perjodu bejn l-aħħar ta’ Ġunju tal-2023 – meta Harbinson iddikjara li r-rapport kien konkluż – u l-estensjoni li ħadet kważi sena biex isiru dawk iddikjarati bħala korrezzjonijiet fil-lingwaġġ użat fil-kitba u biex ikunu jistgħu jqabblu partijiet differenti mid-dokument.
Fi kliem ieħor, perjodu li ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ digital forensic examiner, ladarba l-abbozz finali tar-rapport minn Harbinson kien diġà fih kull informazzjoni li ġabru qabel l-esperti ta’ ANSEC IA Ltd.
L-argument possibbli li din il-kumpanija tal-esperti qagħdet tħejji r-rapport tagħha wara li tlesta r-rapport finali, ma jreġix. Dan, għax skont l-irċevuti, biex inħoloq tali dokument spiċċa jiswa iżjed mill-ġbir u l-analiżi tad-dejta nnifisha.
Iżjed u iżjed meta l-istess Harbinson argumenta fl-affidavit, li ppreżenta lill-Qorti ftit tal-jiem ilu, li kien għalih irtira f’Ġunju tal-2023.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, ONE News ukoll żvela kif, tul il-perjodu tal-inkjesta, Harbinson Forensics Limited u ANSEC IA Limited kienu daħħlu rċevuti separatament u tħallsu kollha, anke jekk dawn kienu għall-istess xogħol.