F’laqgħa virtwali mal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, esperti tal-Kunsill tal-Ewropa mill-qasam tad-drittijiet umani u tas-saltna tad-dritt faħħru l-impenn li qed jieħu l-Gvern Malti f’riformi kostituzzjonali u istituzzjonali li qed jitwettqu.
Din il-laqgħa tmexxiet mill-Ministru Edward Zammit Lewis fil-preżenza tal-Avukat tal-Istat Dr Chris Soler. L-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa tmexxew mis-Sur Christophe Poirel mid-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet Umani u s-Saltna tad-Dritt u mis-Sur Pavlo Pushkar mid-Dipartiment tal-Eżekuzzjonijiet Ġudizzjarji.
Filwaqt li kien apprezzat li fadal iżjed xogħol fl-effiċjenza tal-Qrati Maltin, l-esperti Ewropej saħqu fuq l-importanza li l-Ministeru għall-Ġustizzja jkompli jibni fuq it-tant xogħol tajjeb li twettaq fl-aħħar xhur. Ewlieni fost ix-xogħol imwettaq f’dan il-qasam issemmiet il-bidla kostituzzjonali li għaddiet b’vot parlamentari unanimu fl-estensjoni tal-età tal-irtirar għal 68 sena tal-bank tal-ġudikatura. Riforma oħra importanti elenkata kienet dik tad-diġitalizzazzjoni ta’ dan is-settur, b’awli attrezzati tajjeb għal smigħ virtwali u proċessi tal-qorti b’mod elettroniku.
L-esperti kellhom kliem ta’ tifħir għar-riformi bla preċedenti li wettaq il-Ministeru għall-Ġustizzja f’isem il-Gvern Malti fl-oqsma tas-saltna tad-dritt u tal-governanza t-tajba. Din il-parti tad-diskussjoni ffukat fuq il-bidla li qed isseħħ fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li issa qed jassumi r-responsabbiltajiet ta’ ċerti prosekuzzjonijiet meqjusa bħala l-aktar serji mingħand il-pulizija eżekuttiva. B’rabta ma’ dawn ir-riformi, l-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa semmew ukoll il-biċċa xogħol tajba li għamel il-Gvern Malti fl-emendi kostituzzjonali relatati mal-ħatra tal-Prim Imħallef, tal-ġudikatura kif ukoll fid-dixxiplina u fit-tneħħija tal-istess imħallfin u maġistrati.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis irringrazzja lill-esperti tal-Kunsill tal-Ewropa tal-appoġġ kontinwu tagħhom u tenna li dak kollu mwettaq mill-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar disa’ xhur għandu jservi ta’ bażi soda għal aktar governanza tajba, b’rispett sħiħ lejn is-saltna tad-dritt f’Malta.
Ritratti: MJEG