Dikjarazzjoni ċara mill-espert tal-kimika l-Professur Alfred Vella li meta mistoqsi mit-Times of Malta dwar is-sigurtà tat-tanker tal-LNG qal: “L-impjant tal-enerġija u l-faċilità tal-LNG huma siguri anke jekk ikun hemm inċident relatat mal-logħob tan-nar.”
Il-Professur Vella kien mitlub jikkummenta fid-dawl tal-inċident li seħħ f’Marsaxlokk fi tmiem il-ġimgħa u li meta kien għadu lanqas biss intefa n-nar ikkummenta dwaru l-avukat Jason Azzopardi. Qal li kieku kien hemm it-tanker in-nofsinhar ta’ Malta kien itir. Dlonk beda jinvestiga sieħbu tat-Times of Malta, Ivan Camilleri, iżda l-espert Vella qallu mod ieħor.
“Ir-riskju huwa minimu,” qal Vella għalkemm stqarr li kieku hu xorta jibda jevita li jinħarqu l-murtali mill-akwata. Vella żied ukoll li d-distanza bejn fejn seħħ l-inċident u fejn se jkun sorġut it-tanker tal-LNG hija sostanzjali.