Diversi uffiċjali u esperti fil-qasam marittimu minn diversi pajjiżi Ewropej qed qed jieħdu sehem fil-Malta Maritime Summit, laqgħa għolja li fetħet dalgħodu f’Malta biex tiddiskuti proposti dwar l-industrija marittima.
Ministri u uffiċjali internazzjonali fil-qasam marittimu minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jinsabu f’pajjiżna biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet li qed taffaċċja l-industrija marittima u jiddiskutu t-triq ‘il quddiem biex is-settur marittimu jkun aktar sostenibbli u reżiljenti.
Dan is-summit iservi ta’ pjattaforma li toffri aktar motivazzjoni lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex tibda karriera fil-qasam marittimu.
Fost il-parteċipanti hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-IMO, Kitack Lim; il-Viċi Ministru għat-Tbaħħir ta’ Ċipru; Vassilios Demetriades; il-Ministru għall-Affarijiet Marittimi tal-Greċja, Ioannis Plakiotakis, u s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Marittimi tal-Portugall, José Maria Costa. Fil-ftuħ ta’ dan is-Summit, il- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, qal li l-Gvern huwa impenjat li jippromwovi u jappoġġja b’mod attiv l-industrija marittima filwaqt li appella għall-viżjoni u l-kuraġġ biex issir aktar bidla u jkun hemm aktar investiment.
Il-Ministru Farrugia qal li dan is-Summit beda ftit jiem biss wara li l-komunità marittima internazzjonali, nhar il-Ħamis li għadda, iċċelebrat il-Jum Marittimu Dinji. Bit-tema ‘New Technologies for Greener Shipping’, f’din l-okkażjoni, il-Gvern afferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu lill-IMO bħala l-katalist ewlieni għal industrija tat-tbaħħir sostenibbli.
“Qed inħarsu ‘l quddiem biex niddiskutu l-bidliet meħtieġa li għandna bżonn, inkluż id-dekarbonizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ta’ dan is-settur, imma nħaddnu wkoll il-bidliet anke mis-settur tal-ħaddiema li għandna għall-isfidi ta’ għada. Dan huwa l-post, huwa s-summit, fejn niddiskutu u naraw fejn nistgħu naqblu biex il-bidliet li jrid jesperjenza pajjiżna nagħmluhom flimkien biex is-settur privat u anke l-Gvern flimkien ikomplu jimxu lejn il-miri li ġejjin.”
Il-lista tal-kelliema fis-Summit tinkludi wkoll, fost l-oħrajn, lill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius lill-Kummissarju Ewropew għat-Trasport, Adina Vălean; lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola; kif ukoll mill-Ministri Miriam Dalli u Clayton Bartolo.