Dil-ġimgħa ra l-bidu tal-ġbid tal-mistoqsijiet tat-tfal ta’ ESPERTI. Il-programm popolari ta’ Louise Doneo se jirritorna fuq ONE mill-iskeda tal-ħarifa b’żewġ gruppi differenti ta’ tfal bejn il-ħames u d-disa’ snin.
It-tfal intgħażlu wara proċess twil ta’ awdizzjonijiet li ra kważi mitejn applikazzjoni wara siegħat twal ta’ intervisti mqassma fuq tlett ġimgħat. Dik tkun l-ewwel fazi. Issa li ntgħażlu t-tfal ikun imiss it-tieni fażi, fejn it-tfal jinqassmu f’żewġ gruppi (l-ewwel staġun u t-tieni staġun) u jiġu mitluba jirrispondu sensiela ta’ mistoqsijiet li t-team ta’ Esperti ikun ilu li pprepara fuq sena ilu. Se jkun hemm 26 programm u għal kull programm Louise tistaqsihom medja ta’ 15-il mistoqsija, jiġifieri jkunu ġew ippreparati kważi 400 mistoqsija differenti! Iżda l-udjenza televiżiva permezz tal-programm, forsi jkollha x-xorti li tara u tisma’ viċin il-200 risposta. Dak ifisser li nofs il-mistoqsijiet preparati, ma jintużaw qatt!
B’mod esklussiv għall-qarrejja ta’ one.com.mt ħadna xi ritratti, bil-moħbi, waqt il-ġbid tal-mistoqsijiet. Minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra tibda t-tielet fażi fejn jiġu ntrodotti t-tfal (l-Esperti!) għall-pubbliku u nsiru nafu min huma. Ibqgħu segwu dan is-sit għal aktar tagħrif fuq wieħed mill-aktar programmi divertenti u favoriti mat-telespettaturi ta’ ONE