Il-Ħamis filgħodu, il-Qorti Kriminali ordnat li, għas-seduta li se ssir fil-31 ta’ Jannar, l-esperti barranin li tqabbdu mill-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta tal-isptarijiet, Miroslava Milenovic, Sam Sittlington u Jeremy Harbinson, ikunu fiżikament preżenti fl-awla biex iwieġbu l-mistoqsijiet kollha li jsirulhom.
L-ordni nħarġet fuq talba li saret, fost l-oħrajn, mill-avukati tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Dan wara diversi żviluppi, fosthom li, fil-ġimgħat li għaddew, fil-Qorti wkoll ġie stabbilit li l-esperta Serba Milenovic, li tqabbdet bħala accountant forensiku, la għandha l-kwalifiki neċessarji u lanqas warrant ta’ accountant.
Appena sar magħruf dan, Milenovic għażlet li ma tixhidx aktar fil-kawżi dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Eventwalment, fir-rigward ta’ dan kollu, il-Kummissarju tal-Pulizija ntalab biex jibda investigazzjoni minħabba ksur ta’ diversi artikli tal-kodiċi kriminali.
Sar magħruf ukoll li l-espert Irlandiż Sittlington kien tkeċċa mill-Gvern Ingliż fuq każ ta’ konflitt t’interess. Dan minħabba li, waqt li kien qed jaħdem fil-Guyana fl-Amerka t’Isfel, fl-istess ħin, kien qed jaħdem fuq l-inkjesta Vitals u pprova jakkwista kuntratt mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta ta’ madwar miljun ewro.
It-tielet espert, Harbinson, li hu wkoll Irlandiż, kellu konflitt ta’ interess meta waqt li ħadem fuq l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, ma ddikjarax li, għal 18-il sena kien impjegat ma’ Price Waterhouse Coopers, li wkoll kellhom rwol importanti fil-konċessjoni tal-isptarijiet.
Sadanittant, il-Qorti Kriminali ddeċidiet li t-terminu mogħti mil-liġi biex hi tiddeċiedi dwar it-talba għar-revoka tal-ordni ta’ qbid u ffriżar fil-konfront tal-akkużati fil-każ Vitals, għandu jitwal.
L-imputati għandhom żmien ħmistax wara s-6 ta’ Jannar biex jindikaw jekk iridux ittellgħu xi xhieda fit-talba tagħhom għar-revoka tal-ordni ta’ qbid u ffriżar.
Fil-31 ta’ Jannar, imbagħad, il-Qorti Kriminali se tisma’ l-provi fuq ir-rikors li tressaq għar-revoka tal-mandat u wara tħalli l-każ għad-deċiżjoni.