Espert mill-Europol qalet li damu xhur biex setgħu jiftħu u jużaw il-mobile ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan ħareġ hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ.
Hawnhekk l-esperta Yulia Toma spjegat li għall-bidu l-proċess sar kollu fil-kwartieri tal-Europol fl-Olanda, u sar l-istess proċess fuq il-mobile ta’ persuna oħra, maħsub li hu l-kaptan tal-jott ta’ Fenech.
Fil-Qorti nstema’ wkoll mingħand eks uffiċjal tal-Pulizija, li kien parti mill-iskwadra ta’ Kontra d-Droga, li ħarġet ordni biex jiġu arrestati żewġ persuni li kienu abbord bastiment li twaqqaf mill-Armata f’Portomaso.
Intqal ukoll li fuq il-post sab lil Fenech u l-kaptan abbord, b’Fenech infurmat li kien se jiġi arrestat. Qal ukoll li wara li l-eks uffiċjal identifika lilu nnifsu, Fenech qal ‘aħjar, biex ma ndumux’.