Tmin hekk imsejħa esperti, li ssuġġerixxa l-Irlandiż Jeremy Harbinson lill-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta tal-isptarijiet, kienu gradwati friski jew saħansitra mingħajr ebda kwalifiċi.
Fost dawn it-tmienja kien hemm ċerta Courteney Rachel Ann Jamison, li nħatret esperta tal-Qorti fit-2 ta’ Settembru tal-2020.
Dan anke jekk iż-żagħżugħa, li kienet għadha kemm tibda fid-dinja tax-xogħol fejn xtaqet tistudja l-accountancy, kienet bdiet titħarreġ bħala trainee accountant mad-ditta tal-accountants u awdituri tal-Irlandiż Jeremy Harbinson, Harbinson Mulholland, ftit aktar minn sena qabel, f’Lulju tal-2019.
Appena bdiet mal-kumpanija, din l-istudenta bla ebda esperjenza spiċċat taħdem fil-forensic accountancy kriminali, qasam li, kif jirrikjedu standards internazzjonali u dawk tal-Kunsill tal-Ewropa, jirrikjedi grad universitarji.
Hi kkwalifikat bħala accountant snin wara li tqabbdet fl-inkjesta.
F’dan il-każ, studenta bħal Courteney Rachel Ann Jamison, fi żmien sena, spiċċat esperta tal-Qorti Maltija f’waħda mill-akbar inkjesti maġisterjali li qatt saru … u ta’ dan tħallset ukoll biz-zalza.
Mill-invoices ippreżentati lill-Qorti, nafu li Courteney Jamison ħadmet eluf ta’ sigħat.
Waqt li hu fatt magħruf li trainees fl-accountancy fir-Renju Unit jitħallsu madwar €29,000, Jamison kienet mistennija titħallas mat-€82,000 f’perjodu ta’ inqas minn erba’ snin li damet taħdem fl-inkjesta.
Minkejja dan, hu stmat li l-Maġistrat Gabriella Vella approvatilha ħlasijiet li jlaħħqu madwar €440,000.
Dan seħħ, għax, skont Jeremy Harbinson, dawn kienu rati kummerċjali, anke għal studenti li qed jitħarrġu u bilkemm ikunu għadhom jafu x’laqathom fil-mestier, aħseb u ara kemm ikollhom esperjenza.
Dan, flimkien ma’ iżjed taħwid f’din l-inkjesta, qed ikompli jqajjem mistoqsijet u dubji kbar dwar tali miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fejn l-esperti solħu kemm felħu.
F’waħda mill-kawżi ġudizzjarji relatati, li żviluppaw ibbażati fuq ir-rapport finali tal-esperti, l-avukati tad-Difiża ddikjaraw li, jekk u meta l-espert ewlieni Jeremy Harbinson jiddeċiedi li jixhed fil-Qorti Maltija, se jkunu qed jistaqsuh speċifikament dwar il-ħatriet tal-esperti, li ġew irrakkomandati minnu stess.