Mas-sit internazzjonali Euronews, uffiċjal fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, Richard Gowan, qal li Malta u l-Iżvizzera se jerfgħu piż kbir fil-perjodu ta’ sentejn li matulu qed iservu fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Is-sit internazzjonali tal-aħbarijiet irrapporta li Malta u l-Iżvizzera, għal dawn is-sentejn, se jingħaqdu mal-pajjiżi Ewropej ta’ Franza u r-Renju Unit – li huma fost il-ħames membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Mal-Euronews, l-espert tan-Nazzjonijiet Uniti qal li l-fatt li Malta huwa pajjiż żgħir jista’ jkollu kemm il-benefiċċji u kif ukoll l-isfidi tiegħu.
Huwa qal li, f’dan il-perjodu bejn issa u l-2024, pajjiżna jista’ jmexxi ’l quddiem l-aġenda tal-istati żgħar tal-Karibew u tal-Paċifiku sabiex jindirizzaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima.
“Being a small island state at the UN has benefits as well as challenges. Malta can rally the Caribbean and Pacific small island states to support it on issues such as addressing the security implications of climate change,” says Gowan.
Gowan innota li fuq il-gwerra fl-Ukrajna, Malta se tkun flimkien mal-Istati Uniti, ir-Renju Unit, u Franza sabiex tikkritika l-azzjonijiet tar-Russja.
Qal ukoll li Malta se tkun qed tmexxi ‘quddiem l-isforzi għall-paċi fil-Libja.
L-espert tan-Nazzjonijiet Uniti qal ukoll mal-Euronews li pajjiż żgħir mhuwiex ta’ żvantaġġ għall-Kunsill, għax pajjiżi żgħar ġeneralment jibagħtu l-aħjar diplomatiċi.
L-uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti qal ukoll li Malta għandha tim tajjeb ta’ diplomatiċi fi New York, il-post fejn jiltaqa’ l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.
Huwa qal li, fl-aħħar sena, Malta żiedet in-numru ta’ diplomatiċi, waqt li pajjiżna investa wkoll fit-taħriġ sabiex jipprepara bl-aħjar mod lil dawn id-diplomatiċi.
Malta ġiet eletta f’siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għal perjodu ta’ sentejn li beda fil-bidu ta’ din is-sena, u din hija t-tieni esperjenza ta’ Malta f’dan l-irwol. L-ewwel darba kien fil-perjodu bejn l-1983 u l-1984.