Espert tal-Qorti mqabbad minn maġistrat jew imħallef m’għandu qatt jibża’ minn dak li jkun sab bħala parti mill-investigazzjoni tiegħu, anzi bi kburija għandu jmur fl-awla jixhed u jitkellem dwar il-konklużjonijiet tiegħu.
Dan hu kliem il-kriminologu John Charles Ellul, li ilu aktar minn 30 sena mqabbad bħala espert fil-qrati Maltin.
Dan l-istazzjon talbu jirreaġixxi għall-aħħar żviluppi li seħħew fil-każ tal-isptarijiet fejn l-espert ewlieni Irlandiż Jeremy Harbinson qal li ma jridx jersaq lejn Malta biex jixhed dwar dak li sab.
“L-espert hu obbligat bil-liġi li jagħti x-xhieda tiegħu u jispjega x’analiżi għamel, x’metodoloġija ntużat, abbażi ta’ xiex wasal għal ċerti konklużjonijiet, mhux biex jiddefendi l-każ, għax espert m’għandu għalfejn jibża’ minn ħadd, parti mix-xogħol tiegħu espert tal-Qorti hu preċiżament li jagħti x-xhieda fuq dak li jkun għamel.”
John Charles Ellul, kriminologu u espert tal-qorti
Ellul saħaq li bħal dak li qed jiġri bħalissa fil-kawża tal-isptarijiet qatt ma ra u li ħaġa bħal din anke titfa’ dell u dubju fuq l-investigazzjoni li wettaq l-istess Harbinson u li għaliha tħallas €11-il miljun.
“Li espert jgħidlek jien ma rridx nixhed fuq dak li jien għamilt, hi xi ħaġa assurda, xi ħaġa li ma tismagħha mkien fid-dinja… Jekk dan qed jagħti dak il-messaġġ li b’xi mod qed jibża’ jgħid dak li wasal għalih, sinjal li x’imkien hemm nuqqas fil-metodoloġija jew fil-mod kif hu għamel l-analiżi tiegħu f’dan il-każ.”
John Charles Ellul, kriminologu u espert tal-qorti
Hawnhekk John Charles Ellul saħansitra saħaq kif ix-xhieda tal-espert fil-Qorti twassal biex ikun hemm ġustizzja xierqa mal-akkużat jew akkużati.
“Il-Qorti hi l-vetrina tal-espert fejn għandu l-opportunità jiġi mistoqsi u jispjega kif wasal għal ċerti konklużjonijiet, għax kif tasal għall-konklużjonijiet bħala espert għandhom ikunu skrutinizzati mid-difiża għall-benefiċċju tal-ġustizzja.”
John Charles Ellul, kriminologu u espert tal-qorti
Aqra aktar: