Meta kompla jinstema’ il-każ kontra Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru ta’ Għawdex, kien ippreżentat rapport ta’ espert tekniku li kkonferma li l-kaligrafija fuq għadd kbir ta’ invoices analizzati kienu tal-istess Debono.
Bħala parti minn proċess biex ikun stabbilit jekk kienx Debono li ffirma ċerti dokumenti relevanti għall-investigazzjoni, kienu analizzati iktar minn elf dokument u fuq 280 minnhom kien hemm il-firma ta’ Anthony Debono. Dawn jikkonfermaw kif kien hu li qed japprova ix-xogħolijiet li saħansitra ssemmew mill-whistleblower fil-każ magħruf bħala ‘work for votes.’
Fost id-dokumenti analizzati kien hemm l-invoices li ppreżenta l-whistleblower fil-każ, kif ukoll dokumenti minn dipartimenti li ntużaw biex isiru ħlasijiet wara li ordna x-xogħol Debono. Kienu analizzati wkoll noti li fil-qorti l-whistleblower kien qal li talbu jagħmilhom Anthony Debono.
Fil-fatt, l-espert Martin Bajada kkonferma wkoll li fuq xi dokumenti kien hemm l-inizjali JC, li huma l-inizjali tal-whistleblower Joseph Cauchi. “Il-linka l-ħamra kienet ta’ Joseph Cauchi,” qal l-espert li nnota kif Cauchi għandu l-firma tiegħu fuq irċevuti fiskali. Fil-Qorti, l-espert Martin Bajada nnota kif irriżulta li Anthony Debono jiffirma b’żewġ modi. Il-firma li juża għax-xogħol hija differenti minn dik li juża meta jiġi biex jiffirma dokumenti marbuta ma’ affarijiet personali.
Id-difiża ta’ Debono għażlet li f’dan l-istadju ma tagħmilx kontro eżami.
Debono, li kien imexxi d-dipartiment tax-xogħolijiet fil-Ministeru ta’ Għawdex qed jaffaċċja 13-il kap t’akkuża, fosthom miżappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Tul il-każ s’issa dejjem ħarġet is-saħħa li kellu fi żmien li martu kienet Ministru għal Għawdex. Joseph Cauchi, il-whistleblower f’dan il-każ, kien ilmenta li kellu jitħallas mal-ħamsin elf ewro ta’ xogħolijiet li kien għamel fil-privat, imqabbad minn Tony Debono.
Flus li baqa’ qatt ma ħa għajr għal €10,000 li għaddew wara li l-każ ħareġ fil-midja. Dwar dan il-każ il-whistleblower kien mar ikellem lill-Kap tal-Oppożizzjoni li l-uniku risposta li kellu kienet għaliex kompla bix-xogħol meta kien jaf li se jitilfu l-elezzjoni ġenerali.