L-espert tal-liġi, il-Professur Ian Refalo qal li l-Ispeaker għamel sew u skont il-liġi, li ta ruling fuq proċess parlamentari li fih waqqaf lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, milli jinvestiga każ li għadu sub-judice fil-Qorti.
L-Ispeaker ippubblika l-parir li ngħata mill-espert Kostituzzjonali fejn f’ittra, Ian Refalo widdeb lil Hyzler li ħareġ jgħid li dak li ddeċieda l-Ispeaker kien żbaljat.
Il-każ huwa dwar meta erba’ ġurnalisti kienu allegaw li tliet persuni żammewhom kontra l-volontà tagħhom f’Kastilja fis-sigħat bikrin tad-29 ta’ Novembru tal-2019.
F’dan il-każ, il-Qorti ma kinitx sabet lil dawn it-tliet persuni ħatja, u lliberathom minn kull akkuża.
L-Avukat Ġenerali kien appella mis-sentenza tal-Qorti u kien għalhekk li l-Ispeaker iddeċieda li jwaqqaf lil Hyzler jinvestiga l-każ minħabba li għad irid jinqata’ l-każ mill-Qorti fl-istadju tal-appell.
Fil-fatt dwar dan, il-Professur Ian Refalo, espert Kostituzzjonali rispettat minn kulħadd, qal li jifhem id-deċiżjoni li ħa l-Ispeaker hekk kif il-każ għadu ma nqatax kompletament u għalhekk ma jistax ikun hemm investigazzjoni dwar il-każ.
Il-Professur Refalo fakkar li l-kwistjoni qamet f’kumitat parlamentari u l-Ispeaker intalab jagħti ruling minn membri parlamentari.
“Jekk ir-ruling tal-Ispeaker ma jdoqqx għall-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, mhux problema, imma bl-ebda mod, l-Ispeaker m’għandu jieqaf milli jagħti ruling”, saħaq b’mod ċar il-Professur Ian Refalo.
Żied jgħid li l-fatt li wieħed jistaqsi fuq il-validità tad-deċiżjoni tal-Ispeaker ma jwassal għall-imkien, speċjalment meta dan isir minn uffiċjal Parlamentari.
Saħaq li l-fehma ta’ persuna taqbilx jew le ma’ dak li ddeċieda Anġlu Farrugia hija rrelevanti.
Ilbieraħ, tal-għaqda Reppublika u l-Partit Nazzjonalista ħarġu jattakkaw lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
L-ewwel li attakkaw lil Anġlu Farrugia kienu tar-Repubblika li warajhom hemm ħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia.
Tar-Reppublika talbu għar-riżenja tal-Ispeaker.
Ftit minuti wara, propjament seba’ minuti wara l-istqarrija tar-Repubblika, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija jattakka lil Anġlu Farrugia u lill-membri tal-Gvern.
Din l-istqarrija kienet ffirmata minn Karol Aquilina, ħu l-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina.