F’intervista estensiva fuq il-gazzetta The Malta Independent on Sunday, l-ekonomista prominenti tal-EY, Chris Meilak, spjega fid-dettall kif wieħed għandu jiffaċja l-bżonn tal-ħaddiema barranin.
Dan hu suġġett li qed iqum ħafna fid-diskussjoni pubblika.
Filwaqt li l-Prim Ministru u l-gvern ħadu numru ta’ inizjattivi biex isaħħu l-kontroll tal-awtoritajiet Maltin, u jassiguraw li ma jiġux ħaddiema fejn m’hemmx bżonn, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ b’kampanja ta’ informazzjoni qarrieqa, u l-oppożizzjoni qed tagħti verżjoni differenti ma’ kull jum li jgħaddi.
L-ekonomista Meilak kien mistoqsi fuq il-fatt li f’survey magħmul mill-EY persentaġġ sostanzjali ta’ negozji qalu li jixtiequ aktar investiment infrastutturali fid-dawl taż-żieda tal-popolazzjoni.
Meilak implika li dan ma jfissirx li għandna nwaqqfu għal kollox is-sehem tal-ħaddiema barranin u għal dan ta bosta raġunijiet.
Fosthom li l-popolazzjoni Maltija qed tixjieħ u dan ifisser li d-diskors dwar ħaddiema barranin mhux marbut biss mat-tkabbir ekonomiku, Minflok is-s-soċjeta tagħna bilfors trid tirrikorri għal ħaddiema barranin f’ċerti setturi minħabba li qed tixjiħ.
Hawn tkellem dwar il-ħtieġa ta’ aktar investiment, speċjalment fid-dawl li f’pajjiżna hawn likwidita kbira u ammont ta’ flus li huma mfaddla mal-banek u għalhekk jistgħu jintużaw minflok jibqgħu reqdin.
Meilak sostna li pajjiżna għandu jiffoka fuq kif se nużaw aħjar it-tifdil tagħna ħalli nżidu l-potenzjal ta’ pajjiżna u mhux niddiskutu temi bħal kemm tiflaħ l-infrastruttura preżenti. Għax il-pajjiż għandu l-mezzi kif din tkompli titjieb kif wara kollox diġà ttejbet.
Intant, f-aħħar xhur il-Gvern introduċa miżuri b’saħħithom biex jassigura kontroll iktar b’saħħtu tal-awtoritajiet Maltin u l-ekonomista kien mistoqsi dwarhom.
L-ekonomista tal-EY qal li pajjiżna, bħala wieħed żgħir, ma jistax joqgħod jistenna meta jiġuh opportunitajiet tajba ta’ kummerċ.
Żied li huwa importanti huwa li meta tfeġġ sfida, ninvestu bħala pajjiż biex din l-isfida tiġi riżolta.
Dan filwaqt li fuq temi bħat-traffiku sostna li waqt li hemm irwol importanti għall-Gvern qal li l-għażliet individwali huma essenzjali. Dwar dan tkellem dwar kif ħafna jgergru, imma ma humiex lesti biex huma stess ikunu parti mis-soluzzjoni tal-problema.