Id-Dwana ta’ Malta għamlet qabda ta’ sittin kilo droga kokaina moħbija f’kontejner tal-għoxrin pied fil-Port Ħieles.
Minn stħarriġ li sar, irriżulta li d-droga kellha purità ta’ mija fil-mija u l-valur tagħha fis-suq huwa stmat li jlaħħaq il-11-il miljun ewro.
Id-dwana qed tqis din il-qabda bħala l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna u x’aktar anke fl-Ewropa.
Kien it-Tnejn waranofisnhar, meta l-uffiċjali tad-Dwana stazzjonati fit-Taqsima tal-Monitoraġġ tal-Kontejners ġibdu l-attenzjoni dwar kontejer tal-għoxrin pied minħabba r-rotta suspettuża tiegħu.
Il-kontejner telaq minn pajjiż tal-Amerika Latina u kien fi triqtu għal għal-Lvant Nofsani.
Il-kontejner kien iddikjarat li qiegħed iġorr ħames mija u t-tnejn u tletin patalott ta’ likwidu tal-water-proofing.
Kienu uffiċjali tad-dwana mit-taqsima tal-ispezzjonar li skenjaw il-kontejner u ntebħu b’xi irregolaritajiet f’sitta minnhom.
Spjega dan is-Sur Joe Chetcuti d-Direttur Ġenerali tad-Dwana, filwaqt li ta ħajr lill-uffiċjali tas-sigurtà fil-Port Ħieles.
“Meta ġie skenjat ta indikazzjoni imma ma kienetx daqshekk ċara, għal raġuni li kienu 6 pattaloti biss fost 532, immaġina! L-inkosistenza ma kienetx daqs qabdiet preċidenti. Imma dehret xorta!”
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet spjegaw li l-uffiċjali tad-dwana ntebħu bid-droga bl-inkonsistenza li kien hemm fil-bramel.
Waqt li kienu qegħidn jiftħu l-patalotti waħda waħda, l-uffiċjali tad-dwana sabu sitta minnhom li kien fihom boroż tal-plastik mimlija b’sustanza bajda f’forma ta’ krema li kienet mgħaddsa f’likwidu żejtni.
L-uffiċjali tad-Dwana sabu sittin kilo ta’ din il-krema mqassmu f’sitt patallotti.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li l-għotjin tal-bramel kienu mbagħbsin u ma kellhomx is-siġill tal-plastik. Qalu li kien hemm xi marki indikattivi li xi ħadd qed jipprova jimmarka dawk il-bramel minn oħrajn.”
Spjegaw li l-proċess biex id-droga ddewbet, kien bħal meta’ wieħed idewweb il-melħ jew iz-zokkor f’likwidu ieħor u jispiċċa fil-qiegħ.
Qalu li tant kemm kien konċentrat li l-kontenut fil-bramel issepara u hemm hekk dehret id-diskrepanza fil-materjal. Qalu li l-apparat tad-Dwan qabad dik id-diskrepanza.
Huwa qal kif eventwalment l-għan aħħari kien li d-droga terġa titnixxef u tinbiegħ.
Intant, il-każ għadda f’idejn il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga waqt li l-Maġistrat tal-Għassa qed imexxi inkjesta mgħejjun minn bosta esperti mit-Taqsima Forensika tal-Pulizija.