Sam Sittlington, espert ieħor involut fl-inkjesta kontroversjali tal-isptarijiet fejn gawda tajjeb ħafna wkoll, beda l-proċess biex ixolji l-kumpanija tiegħu wkoll, kif għamel diġà qablu sieħbu Jeremy Harbinson.
ONE News jista’ jiżvela li Sittlington, Irlandiż ukoll li ġie rrakkomandat minn Harbinson lill-Maġistrata Gabriella Vella għall-inkjesta li swietna aktar minn ħdax-il miljun ewro, beda jillikwida l-kumpanija tiegħu The Fraud Company Limited fit-13 ta’ Marzu li għadda.
Dan joħroġ direttament mir-reġistru Britanniku tal-kumpaniji, fejn l-istat ta’ The Fraud Company ġie “taħt likwidazzjoni”.
Jirriżulta li l-kumpanija rreġistrata fl-Irlanda ta’ Fuq ilha topera mill-2009, iżda kien fl-aħħar ħames snin li għamlet l-akbar dħul tagħha, proprju waqt li kienet għaddejja l-inkjesta tal-isptarijiet.
Fil-fatt, fil-bidu tas-sena l-oħra, l-assi netti tal-kumpanija ta’ Sittlington kienu qabżu d-€900,000, meta sal-2015 dawn kienu qrib iż-żero. Fl-2024, il-kont bankarju tagħha wkoll kien jaqbeż is-€600,000 fi flus kontanti.
Sieħbu, Jeremy Harbinson, li kien l-espert ewlieni u anke project manager fl-inkjesta tal-isptarijiet, anke jekk qatt ma kellu kuntratt għal dan, spiċċa xolja l-kumpanija tiegħu, bl-isem ta’ Harbinson Forensics Limited, eżatt wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali lill-Maġistrat Vella.
F’Ottubru li għadda, f’waħda mill-kawżi li nfetħu fuq ir-rapport ta’ Harbinson u sħabu, l-istess Sittlington ġie akkużat mid-difiża tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat b’konflitt serju ta’ interess.
Isemma kif dan fetaħ kumpanija privata tal-investigazzjonijiet fuq frodi fil-Guyana fejn uża l-istess informazzjoni sensittiva, li kien qed jikseb mill-investigazzjonijiet għall-Gvern Britanniku, biex jespandi l-interessi personali u kummerċjali tiegħu. Kawża t’hekk, il-Gvern Brittaniku kien spiċċa jwaqqfu milli jaħdem miegħu.
Minbarra hekk issemma wkoll kif, waqt li kien qed jagħmel xogħol fl-inkjesta tal-isptarijiet f’Malta, hu offra s-servizzi ta’ konsulenza tiegħu lill-Korp tal-Pulizija Malti b’konflitt ċar ta’ interess.