Hekk kif fil-Qorti kompliet waħda miż-żewġ kawżi dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, xprunati mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, l-avukati difensuri sostnew li esperti ewlieni bl-isem ta’ Jeremy Harbinson għandu wkoll konflitt ta’ interess.
Espert ieħor, Samuel Sittlington, preċedentement ukoll ġie akkużat f’dawn il-kawżi li, fl-istess waqt li tqabbad f’din l-inkjesta, li swiet għaxar miljun ewro, kien qed ifittex l-interessi personali tiegħu, billi kien qed jinnegozja kuntratt mal-Korp tal-Pulizija.
Fil-każ ta’ Harbinson, l-avukati tad-difiża l-Ħamis filgħodu qalu li dan imexxi l-kumpanija Irlandiża Harbinson Forensics Limited, li ntagħżlet mill-Maġistrat Vella, iżda għal tmintax-il sena sal-1998 kien impjegat ta’ Price Waterhouse Coopers. Id-difiża nnotat li x-xhud kien qed jinjora r-rwol ċentrali li kellha din il-kumpanija fil-konċessjoni tal-isptarijiet u nnotaw kif qatt ma ssemmiet fl-inkjesta.
Meta kien fuq il-pedana tax-xhieda, Harbinson ma setax jgħid jekk il-kumpanija Price Waterhouse Coopers assistietx lill-Vitals biex għamlet l-offerta tagħha.
Hawn l-avukati taw ċamata lill-espert, għax tul l-inkjesta lanqas biss tkellem ma’ impjegat ma’ Price Waterhouse Coopers. L-avukati wkoll staqsew lil Harbinson biex jidentifikaw lit-tim ta’ esperti li kellu miegħu, iżda ma setax jiftakar isimhom.
Wara ħafna aktar mistoqsijiet dwar dan, Harbinson qal li l-grupp ta’ esperti kien jinvolvi eks konsulenti tal-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq u anke accountants u speċjalisti tal-IT.
Mistoqsi wkoll dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-akkużati, Harbinson ma setax jipprovdi dettalji, waqt li saħaq li hu responsabbli mir-rapport kollu.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, l-eks Segretarju Permanenti Ronald Mizzi fetaħ proċeduri legali kontra l-istess Harbinson u l-kumpanija tiegħu, bl-avukati tiegħu jsostnu li r-rapport tal-espert hu mimli żbalji fattwali u anke selettiv fil-ġabra tal-evidenza.
Dan anke wara li ħareġ li l-kumpanija ta’ Harbinson kienet qed tiddikjara falliment.
AQRA AKTAR: