Il-patrimonju huwa dak li jagħmlina Maltin u rridu nieħdu ħsiebu. Dan kien kliem il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici waqt li kien qed jiltaqa’ m’espert mill-Awtorità Franċiża tar-Restawr, Didier Happe u li bħalissa jinsab f’pajjiżna taħt l-awspiċju ta’ Din l-Art Ħelwa.
L-espert Franċiż, rappreżentant ta’ GMH Group for International Development kumpanija li tiġbor ’il fuq minn 180 kumpanija li jieħdu ħsieb proġetti ta’ restawr fi Franza, jinsab f’pajjiżna biex jiltaqa’ ma’ istituzzjonijiet pubbliċi u privati li jaħdmu f’restawr, il-preservazzjoni u l-iżvilupp ta’ wirt storiku fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru Owen Bonnici u l-Ambaxxatriċi għall-Franza Madame Beatrice Le Fraper du Hellen emfasizzaw li din il-koperazzjoni bejn Franza u Malta, għandha tkompli tissaħħaħ, anke minħabba l-fatt li pajjiżna riesaq lejn avvenimenti importanti bħall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u l-V18.