Wasal Diċembru, ix-xahar tal-Milied, u x-xahar li jkun mimli b’attivitajiet differenti. F’Ħal Kirkop dan żgur mhux se jonqos, permezz tal-attività inovvativa ta’ Trejqet il-Milied fi Triq il-Paroċċa f’Ħal Kirkop. Attività li se tkun ibbażata fuq jumejn, bejn is-Sibt 8 ta’ Diċembru mis-18:00 ‘l quddiem, u il-Ħadd 9 ta’ Diċembru mit-08:00 ‘l quddiem.
Trejqet il-Milied se tkun mimlija b’diversi stands fosthom tal-ikel, ħelu traddizjonali, ikel malti, Santa Klaws, logħob għat-tfal, ponzjetti, wirja t’affarijiet relatati mal-Milied bl-isem ta’ Gaudete, esebizzjoni ta’ kif isiru l-pasturi u ħafna aktar.
Barra minn hekk ma jonqosx l-ispettaklu li se jkun qed jintwera matul dawn il-jumejn bis-sehem ta’ diversi kantanti lokali, żeffiena, l-band Agara, l-band X-Ttend u kif ukoll Gianluca Bezzina & Band.
Fi ftit kliem, se tkun attività mimlija daqs bajda, u li żgur ħadd m’għandu jitlifha. Attività traddizzjonali u bi stil daqsxejn differenti fir-raħal żgħir ta’ Ħal Kirkop.