Il-Park tas-Salini laqa’ aktar minn 120,000 viżitatur biex igawdu l-atmosfera festiva u, fl-istess ħin, jitgħallmu dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà b’mod interattiv u divertenti fil-‘Christmas in the Park’ ta’ din is-sena bejn it-8 u t-22 ta’ Diċembru.
Din is-sena, il-park ra aktar attivitajiet u attrazzjonijiet għal dan iż-żmien festiv minn snin oħrajn, fosthom ix-xena tan-Nattività u l-Grotta ta’ Santa Klaws, kif ukoll diversi prestazzjonijiet minn artisti lokali, baned u korijiet tat-tfal.
Dan il-villaġġ tal-Milied, organizzat mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Enerġija, bis-sehem ta’ diversi entitajiet fi ħdanu, ra l-park jinbidel, bl-attrazzjoni ewlenija jkun il-passaġġ mdawwal, fejn il-viżitaturi setgħu jesploraw u jisimgħu informazzjoni dwar ħlejjaq fil-periklu ta’ estinzjoni b’mod immersiv u interattiv.
Minbarra hekk, il-viżitaturi kellhom ukoll l-opportunità li jagħmlu krafts sostenibbli, jesploraw serra u labirint, filwaqt li jipparteċipaw f’logħob edukattiv ieħor.
Miż-żgħar sal-kbar tgħallmu aktar dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà b’attivitajiet interattivi u stands ta’ informazzjoni mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Saving Our Blue, Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Circular Economy Malta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Project Green, Wasteserv u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
L-uffiċjali mill-kampanja Saving Our Blue kienu preżenti bil-mobile unit, fejn dawk li attendew setgħu jesperjenzaw ir-realtà virtwali u jżuru żoni marittimi protetti bħal Filfla u l-fdalijiet tat-Tieqa tad-Dwejra.
Dwar dan kollu, il-Ministru responsabbli Miriam Dalli qalet kif l-impenn li jinħolqu u jinżammu spazji ħodor ta’ kwalità li jkunu aċċessibbli għal kulħadd se jibqa’, waqt li attivitajiet, bħal ‘Christmas in the Park’, huma wkoll importanti peress li jlaqqgħu lin-nies flimkien biex iqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom, waqt li jitgħallmu dwar is-sostenibbiltà.
Finalment ħeġġet lil kulħadd biex jagħmel użu u jgawdi mill-ispazji ħodor madwar il-gżejjer tagħna.