Matul dawn l-aħħar snin, iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa qed ikun iċċelebrat b’mod speċjali mis-Soċjeta’ Mużikali Santa Katarina V.M.
L-attivitajiet għaż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira organizzati mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. A.D. 1864 se jiftħu nhar il-Ħamis 22 ta’ Marzu 2018 permezz ta’ Kunċert ta’ Mużika Sagra li se jkun organizzat flimkien mal-Arċipriet u l-Kleru tal-Parroċċa Santa KatarinaV.M. fil-Knisja ta’ Santa Marija f’Bubaqra, iż-Żurrieq.
Tieħu sehem il-Banda Santa Katarina V.M. taħt id-direzzjoni tas-Surmast Josef Grech u l-kor Cappella Musicale
Caeciliana dirett minn Rev. Mro. Abraham D’Amato S.TH.L.
In-narratriċi se tkun Catherine Portelli filwaqt li l-preżentatriċi se tkun Anna Maria Gatt.
Propju nhar it-23 ta’ Marzu, 2018, Jum id-Duluri, s-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti se tiftaħ Walk-Through Awdjo-Viżiva Oriġinali fiċ-Ċentru Pastorali taż-Żurrieq, ħdejn l-Għassa tal-Pulizija. Matul din il-walk-through ta’ nofs
siegħa, in-nies li se jżuruha se jkunu qed jiltaqgħu ma’ 6 karattri mill-Passjoni ta’ Ġesu’ Kristu fejn dawn se jirrakkuntaw il-Passjoni mill-perspettiva tagħhom.
L-attrazzjoni ewlenija ta’ din il-walk-through hija Projection Mapping unika fuq mudell kbir ta’ Ġerusalemm. Din se tkun qed turi l-mixja sħiħa ta’ Ġesu’ mill-post tal-Aħħar Ċena sal-għolja tal-Qurriegħa.
Flimkien mal-Walk-through, se ttellgħa Wirja Artistika fis-Sala Espedito Deguara fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M., entratura minn Sqaq il-Ħlewwa. F’din il-wirja se jkunu esebiti 2 settijiet ta’ vari xogħol Salvu Bonello u Paul Aquilina t’Għawdex.
L-impenji tal-Banda Santa Katarina V.M. jissokktaw nhar Ħadd il-Palm, il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018 fl-10.00a.m. permezz ta’ Programm ta’ Marċi Funebri f’Misraħ ir-Repubblika.
Għall-ewwel darba fiż-Żurrieq, nhar Ħamis ix-Xirka se tkun qed issir mixgħela fil-Pjazza, b’ammont kbir ta’ fjakkoli li se jiddawwal Misraħ ir-Repubblika.