Għal sena oħra se jkun qed jingħata bidu għat-tnax-il edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem. Presepju ħaj mifrux fuq medda ta’ 25,000 metru kwadru li joffri esperjenza unika li ddur mal-istorja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Dan il-presepju huwa mdawwar bl’għelieqi li għal dan iż-żmien ta’ festi jinbidlu f’Betlehem ta’ elfejn sena ilu.
Din l-attività tinvolvi mixja ta’ madwar tletin minuta għal min jagħżel iżura u jara l-attrazzjonijiet li joffru esperjenza unika bħas-snin preċedenti.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri stqarr kif din hija opportunità tad-deheb biex jiżdied it-turiżmu f’Għawdex. “Propju din l-attività ser tkun qiegħda miftuħa seba’ darbiet tul dawn il-jiem ta’ festa però dan kollu jingħaqad imbagħad mal-kullana ta’ attivitajiet xejn anqas minn mitt attività li propju qegħdin isiru madwar il-gżira għawdxija matul dawn il-ħames ġimgħat sħaħ kif ukoll it-tiżjin estensiv li anka din is-sena naħseb huwa wieħed mill-aħjar li għandna madwar it-toroq u l-postijiet ġewwa Għawdex.”
Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija, din l-edizzjoni se tkun differenti mis-soltu. Għalhekk, il-viżitaturi għandhom jibbukkjaw online u jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin mad-dħul.
It-tfal ta’ taħt it-tnax-il sena m’hemmx għalfejn jippreżentaw il-vaċċin iżda xorta huma mitluba jibbukkjaw minn qabel.