F’dawn l-aħħar ġranet il-Malta Billiards and Snooker Association tat opportunita’ lil żewġ players ta’ eta’ żgħira li jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew tas-Snooker tal-Juniors barra minn xtutna, f’din l-edizzjoni, f’Sarajevo, l-Bosnja-Ħerżegovina. Il-livell ta’ dan l-isport kiber sew f’Ewropa u numru ta’ pajjiżi qed irawmmu tfal u żgħażagħ għal aspirazzjonijiet ħafna akbar għal futur.
Din is-sena l-għażla tal-M.B.S.A. marret fuq Xavier Rizzo ta’ ħmistax -il sena, li s-sena l-oħra rebaħ il-kampjonat nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena kif ukoll dak ta’ taħt it-18-il sena u Adam Pace ta’ disa’ snin li fl-aħħar sentejn kien ir-rebbieħ fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena. Minkejja ċ-ċirkustanzi, kemm xejn strambi, sakemm waslu fil-post tal-kompetizzjoni l-esperjenza tagħhom kienet waħda pożittiva u żġur li kemm il-darba jkomplu bit-taħriġ regolari jistgħu jimmeljoraw aktar il-prestazzjonjiet tagħhom.
Kemm Pace u kif ukoll Rizzo lagħbu kontra players ta’ kalibru ogħli ħafna partikolarment kontra Vladislav Gradinari tal-Moldova li rebaħ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-16-il sena u anke’ sa wasal fil-finali ta’ taħt 18-il sena fejn kellu jbaxxi rasu għal qawwa tal-player Ungeriż Bulcsú Révész li ta’ 17-il sena issa rebaħ din il-kategorija għal sentejn konsekuttivi u aktar minnhekk fi Frar li għadda sar iċ-champion tal-Juniors tal-World Snooker Federation biex diġa’ sar player professjonali u aktar tard din is-sena jibda jieħu sehem mal-aqwa players mondjali waqt il-World Snooker Tour. Rizzo fil-fażi tal-gruppi, li minnhom kien ikkwalifika għal mal-aħħar 32 player, kien lagħab kontra l-finalist l-ieħor ta’ taħt is-16-il sena, Riley Powell ta’ Wales.
F’Sarajevo ż-żewġ players Maltin wara li temmewm l-impenji tagħhom fil-kompetizzjoni kellhom wkoll l-opportunita’ li jkollhom sessjonijiet ta’ taħriġ intensiv u personali mingħand il-kap tal-coaches tal-European Billiards and Snooker Federation, P.J. Nolan li s-sena l-oħra kien Malta u ta lezzjonijiet lil tfal u żgħażagħ Maltin u fil-passat għamel ukoll kors sabiex players Maltin saru coaches ikkwalifikati.
F’dawn il-kategoriji tal-M.B.S.A. qed tħares il-quddiem li f’Lulju li ġej terġa torganizza l-kampjonat lokali tal-juniors u tħeġġeġ aktar tfal u żgħażagħ biex jimpenjaw ruħhom f’dan l-isport.
Waqt dan il-Kampjonat, f’Sarajevo saret ukoll il-laqgħa ġenerali annwali tal-E.B.S.A. fejn kien preżenti l-President tal-Assocjazzjoni Maltija, Ivan Brincat. Waqt din il-lagħqa numru ta’ pajjiżi, fosthom l-Irlanda, l-Albanija u t-Turkija wrew x-xewqa li jorganizzaw il-kampjonati s-sena d-dieħla filwaqt li l-President Malti Brincat, ippropona li f’Malta tkun lesta li tospita il-kampjonat tat-timijiet fis-snin li ġejjin. Barra minn hekk Malta ipproponiet riżoluzzjoni li giet approvata u min din is-sena stess il-format tal-Kampjonat Ewropew tat-timijiet ser jinbidel u jibda jintlagħab fuq sistema kif inhi addotta u tintlaghab gewwa fl-Akkademja tas-Snooker f’Malta.
Intant, fl-istess post, it-Tnejn li ġej jibda il-qofol ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew bil-kategorija tal-irġiel individwali fejn l-Ħadd f’Sarajevo mistenni jitla’ l-kontigent ta’ tmien players Maltin li huma Alex Borg, Isaac Borg, Aaron Busuttil, Arthur Cachia, Joseph Casha, Philip Ciantar, Brian Cini u Chris Peplow.