L-avveniment Paws and Claws Easter Adventure se jkun qed joffri esperjenza unika għall-familji, fejn għall-ewwel darba se jkunu milqugħa wkoll l-annimali domestiċi. Dan l-avveniment se jittella’ fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, fil-Kalkara, fis-26 u fis-27 ta’ April 2025.
L-inizjattiva, li qed tiġi organizzata mill-Esplora f’isem Xjenza Malta, ser tgħaqqad ix-xjenza, it-teknoloġija u l-edukazzjoni mal-ferħ li jġibu magħhom l-annimali. L-avveniment mhux biss ser jinkludu esperjenzi interattivi bħal xows tax-xjenza, imma flimkien ma’ aktar minn 20 kollaboratur fil-qasam tal-annimali lokali, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ annimali mhux tas-soltu, bħal rettili u sriep, fost l-oħrajn.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li, “Avvenimenti bħal dan jgħinu biex irawmu l-kurżità fl-imħuħ tal-viżitaturi kif ukoll jenfasizzaw l-importanza tal-annimali, il-bijodiversità u s-sostenibbiltà. Kommessi li nappoġġjaw bis-sħiħ lil Esplora fil-missjoni tagħha li teduka u tispira.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, faħħar l-avveniment u qal, “L-Esplora tkompli tkun innovattiva b’avvenimenti edukattivi u ta’ involviment li jrawmu l-kurżità, il-kreattività, u l-empatija. Għaldaqstant inħarsu ’l quddiem biex naraw il-komunità tingħaqad għal din l-esperjenza sabiħa, li hija xhieda vera ta’ kif l-edukazzjoni STEM tista’ tkun kemm pjaċevoli kif ukoll tħalli impatt.”
L-avveniment se jkun fih ukoll Adoption Corner fejn familji jistgħu jiltaqgħu ma’ annimali li jeħtieġu dar ġdida. Din hija opportunità sabiex tiżdied l-għarfien dwar is-sjieda responsabbli tal-annimali u titrawwem l-empatija fost it-tfal.
Min-naħa tiegħu, James Catania, Direttur ta’ Esplora, spjega kif dan l-avveniment ser joħloq esperjenza immersiva li tgħaqqad ix-xjenza mat-tagħlim u l-ferħ tal-annimali. “Dan l-avveniment mhux biss ilaqqa’ l-familji flimkien għad-divertiment iżda jipprovdi wkoll l-opportunità għall-familji biex it-tfal jitgħallmu permezz ta’ esperjenzi interattivi mal-annimali, filwaqt li jiltaqgħu mal-veterinarji, u jingħataw tagħrif dwar il-kura tal-annimali.”
Il-Paws and Claws Easter Adventure se jsir fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza, Esplora, fil-Kalkara, nhar is-Sibt u l-Ħadd 26 u 27 ta’ April 2025, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-5:00 ta’ filgħaxija. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online fuq showshappening.com. Għal aktar informazzjoni żur https://esplora.org.mt/paws-and-claws-easter-adventure-at-esplora/