Numru ta’ kapijiet ta’ skejjel kemm tal-istat u privati kellhom iċ-ċans li jkomplu jgħarrfu ruħhom dwar kundizzjonijiet differenti taħt l-ispettru tal-awtimżu.
Dan f’eżercizzju ta’ taħriġ b’mod konġunt bejn id-dipartiment għas-servizzi ta’ sapport għall-iskejjel u l-AX Foundation. Is-sessjoni rat ukoll il-parteċipazzjoni ta’ professjonisti fil-qasam tal-awtiżmu mir-Rejnu Unit.
Ic-Chairperson tal-AX Foundation Claire Zammit Xuereb fissret kif qed ikun ittamat li attività bħal din tgħin lil studenti bl-awtiżmu. Hija stqarret: “Illum laqqajna l-Heads of School flimkien biex nifthemu fuq l-affarijiet li nistgħu ngħinu l-istudenti li jbatu b’awtiżmu fl-iskejjel. Ferħana ħafna bil-parteċipazzjoni, għandha studenti li jbatu bl-awtiżmu u kellhom interazzjoni fenomenali.”
Fost l-istudenti bl-awtiżmu kien hemm Blaine Schembri, żagħżugħ ta’ 25 sena li rrakkonta l-esperjenza tiegħu. Huwa qal: “Aħna qegħdin hawnhekk sabiex ngħidu l-esperjenzi tagħna fil-passat, ngħidlulhom kif kienu jittrattawna biex jużawh għal mod kif jgħallmu l-istudenti tal-futur.”
Jacob Callus, li jbati mill-kundizzjoni tal-aspergers, spjega li l-kundizzjoni bidlet il-mod ta’ kif studja ċertu suġġetti. Huwa qal: “Meta niġi għall-mod kif immur man-nies, ir-relazzjonijiet li jkolli man-nies, kif naġixxi magħhom. Affettwatni wkoll kif immur f’ċertu suċċessi bħall-matematika u x-xjenza u l-lingwi u kellha mpatt kif jien għixt l-esperjenza edukattiva.”
Is-Sur Callus semma li dejjem sab l-appoġġ meħtieġ, iżda jemmen li fadal iktar xi jsir.
Waqt il-konferenza huwa semma diversi proposti li għamel anke lill-Gvern sabiex tkompli titkattar l-esperjenza edukattiva għal studenti bl-awtiżmu.
Is-Sur Callus semma: “Kif għandhom jimxu magħhom, kif l-ambjent tal-klassi għandu jkun b’tali mod li tagħti l-attenzjoni li hemm bżonn li għandhom xi diżabilità jew xi kundizzjoni oħra u anke kif tkun mibnija l-iskola jkun hemm kmamar apposta fejn dawn l-istudenti jistgħu jirrilissaw u jkunu neqsin mill-istorbju u l-kaos.”