Se tiġi organizzata l-ewwel edizzjoni tal-Festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’. L-għan ta’ dan il-festival hu li kull individwu fil-komunità jkun aktar mgħarraf dwar l-importanza tax-xjenza.
Il-festival ‘Esperimenta Tikka Xjenza’ se jsir b’kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru Xjentifiku ta’ Malta, l-Esplora, u l-iSTEM Engagement Working Group.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Esplora se jkunu qegħdin joffru wirjiet tax-xjenza u sessjonijiet ta’ rakkonti ta’ stejjer.
Fost l-attivitajiet, se jkun hemm żfin u teatru, films qosra, bosta attivitajiet relatati, busking tax-xjenza, u aktar.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, faħħar din l-inizjattiva u sostna li dan il-festival se jwassal biex ix-xjenza tasal għand il-familji Maltin u Għawdxin kollha.
“Se nkunu qegħdin inressqu l-familji tagħna, Maltin u Għawdxin lejn dawn is-suġġetti ta’ STEM – xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika – iktar qrib, iktar qrib tan-nies.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret il-kollaborazzjoni tal-iSTEM Engagement Working Group mal-Esplora. Permezz ta’ hekk, dan il-festival seta’ jiġi organizzat fil-qalba tal-komunità tal-Kottonera.
“Għaldaqstant, inħeġġeġ lil dawk kollha li jinteressahom ix-xjenza, li tinteressahom l-edukazzjoni u li jinteressahom il-kultura u dak kollu li jippartjeni lil lokalitajiet tagħna, sabiex jattendu dawn l-attivitajiet.”
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, ħabbar li din l-attività hija l-ewwel minn sensiela ta’ festivals li se jsiru fiż żona tal-Kottonera u l-Kalkara.
“Hemm numru ta’ attivitajiet li, għall-fini, huma intiżi biex, kemm jista’ jkun, il-viżitaturi għal din l-esperjenza jentużjażmaw ruħhom iktar.”
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, qal li din l-attività toħloq preċedent għal attivitajiet simili li jħalltu x-xjenza mal-istorja.
“Meta se tħallat ix-xjenza ma’ dal-wirt li hawn, wirt nazzjonali, dawn is-swar, se tkun togħma, ħa ngħid hekk, li għall-futur attivitajiet simili jistgħu jsiru f’kull lokalità li tħaddan fiha l-istorja”