Se jsir investiment ta’ aktar minn €24 miljun mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-Impjant tat-Trattament tal-Ilma f’Ta’ Barkat, li se jwassal għall-estensjoni fin-network ta’ New Water fir-reġjuni tan-Nofsinhar u l-Lbiċ ta’ Malta.
Dan l-investiment se jwassal biex titnaqqas il-pressjoni mill-użu tal-ilma ta’ taħt l-art; bl-użu mill-ġdid tal-ilma hu parti mill-istrateġija tal-ekonomija ċirkolari.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlu fl-impjant l-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
L-investiment se jiżgura li l-provvista tal-ilma lill-bdiewa tkun waħda iżjed sostenibbli, hekk kif qed ikun stmat li aktar minn 350 bidwi jibbenefikaw minn din l-estensjoni l-ġdida.
Dan in-network se jkun implimentat permezz ta’ trinek fil-wiċċ li jkopru 12-il kilometru u li jiżġuraw provvista tal-ilma għal dawk li jaħdmu r-raba’ fiż-żewġ reġjuni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Karl Cilia, qal li permezz ta’ dan l-investiment qed ikunu implimentati teknoloġija u infrastruttura avvanzati biex jiġi assigurat l-immaniġġjar tar-riżorsa tal-ilma.
Huwa qal li, “Ħa nkunu qed naraw li n-network jikber lejn iI-Lbiċ tal-pajjiż. Ħa jkollna lokalitajiet bħal Ħal Għaxaq, Birżebbuġa, Ħal Safi u ż-Żurrieq li se jkunu qed jiggwadanjaw għall-ewwel darba li ħa jgawdu minn dan l-ilma.”
Il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett hu riflessjoni tal-impenn tal-Gvern lejn futur sostenibbli u anke l-investiment f’ekonomija ħadra.
Il-Ministru spjegat li, “Qegħdin innaqqsu l-pressjoni fuq il-groundwater ta’ pajjiżna, li hi riżorsa tant importanti u b’dan il-mod inkunu qegħdin nagħtu ċans lill-groundwater jirriġenera ruħu.”
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li bis-saħħa tal-fondi Ewropej, il-Gvern qed jipprovdi l-infrastruttura meħtieġa għall-iżvilupp tal-agrikoltura.
Is-Segretarju Parlamentari stqar li, “Qegħdin naraw li jkollna ilma aħjar. Bil-fondi Ewropej, dak hu xogħlna li naqbdu s-settur tal-agrikoltura tagħna u nimbottaw ’il quddiem u nagħmlu aktar sostenibbli. Din id-darba anke permezz ta’ ilma ġdid.”