ONE News jista’ jiżvela li Srdjan Stevanovic huwa s-Serb ta’ 38 sena li dal-lejl ġie arrestat wara li kien armat b’armi tan-nar u skieken.
Stevanovic huwa magħruf sew mal-pulizija hekk kif għal aktar minn darba ġie mressaq il-Qorti fuq akkużi serji fosthom dwar droga.
Erba’ snin ilu, Srdjan Stevanovic u s-sieħba tiegħu, Tatjana Skoric Tesic kienu tressqu l-Qorti wara sejba tad-droga.
Huma kienu ġew arrestati wara li kienu aġixxew b’mod suspettuż u ħarbu jiġru bil-karozza.
Huma kienu ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom u kienu ngħataw il-libertà proviżorja.
Tnax-il sena ilu huwa kien weħel sitt xhur ħabs fuq pussess ta’ passaporti foloz u anki kien saħansitra ta isem falz lill-Qorti.
Dak iż-żmien huwa kien instab ħati u anki ġie deportat lejn pajjiżu.
Srdjan Stevanovic, li mill-pulizija qed jiġi meqjus bħala perikoluż ħafna ġie arrestat fl-Imsida wara negozjati t’aktar minn sitt sigħat.
Dan hekk kif ir-raġel beda jhedded li se joqtol lin-nies u kien armat b’armi tan-nar u skieken.
Huwa ssakkar f’daru fi triq il-Qrejten, wara li allegatament beda jhedded xi persuni bi skieken u jagħmel ħsara fuq vetturi privati.
Il-każ beda jiżviluppa l-Ħadd filgħaxija, għal ħabta tas-7:30pm.
Il-Pulizija ħabtu fuq il-bieb, bis-suspettat jiftaħ u jxejjer sikkina mdaqqsa.
Wara kkarga senter u ppontaha fid-direzzjoni tal-pulizija u hedded li se jispara fuqhom.
F’dan l-istadju, il-pulizija żiedet il-forzi tagħha.
Mas-sbieħ it-Tnejn, il-pulizija ddeċidiet li tagħti s-salt u tidħol għar-raġel wara li dan baqa’ ma kkopera xejn.
Fil-fatt kienu ftit qabel is-2:00am li l-pulizija dehret tidħol fid-dar wara li għamlet ħin twil tiċċirkonda l-binja.
Nifhmu li fil-ħin twil ta’ negozjati mas-Serb, il-pulizija użat il-ħin biex tistudja s-sitwazzjoni u b’hekk tkun tista’ tikkontrolla s-sitwazzjoni f’qasir żmien mingħajr wisq periklu. Ir-raġel deher jimxi fid-dar u anke fil-bitħa armat b’pistola kkargata.
Fid-dar kien hemm ukoll tlett iklieb, li setgħu kienu perikoluża u għamluha iżjed diffiċli għall-pulizija biex tidħol.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, il-pulizija tal-SIU tefgħu flashbangs lejn id-dar tas-Serb biex b’hekk huwa kien diżorjentat u saret iżjed faċli għall-pulizija li tarresta lir-raġel li kien armat.
F’dan il-mument, wieħed mill-klieb attakka lill-pulizija, li kienu kostretti jisparaw żewġ tiri li laqtu lill-kelb.
Uffiċjali tad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali, li kienu fuq il-post, ħadu mill-ewwel il-kelb l-isptar tal-annimali biex jiddewwa.
Ftit tal-ħin wara r-raġel ġie arrestat u ttieħed lejn id-Depot għal iżjed stħarriġ.
Il-pulizija kkonfermat informazzjoni oħra li kellu ONE News, dik li kellu ammont ta’ armi fosthom mijiet ta’ skrataċ, għaxar oġġetti oħra bejn skieken u xwabel, kif ukoll armi bil-ponta magħmulin mill-injam.
Għal xi ħin fuq il-post deher il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Dwar dan il-każ qiegħda ssir inkjesta mill-Maġistrat Dr Neville Camilleri.
L-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema.
https://www.one.com.mt/2020/11/02/ir-ragel-armat-u-li-hedded-li-se-joqtol-lin-nies-gie-arrestat-wara-operazzjoni-ta-5-sighat-5/