Richard Cachia Caruana qed jerġa’ jiddetta fil-Partit Nazzjonalista bħal ma kien jagħmel sa żmien Simon Busuttil, qabel ma’ Adrian Delia laħaq Kap. Filmati u dettalji ta’ laqgħa anki rrappurtati fil-gazzetta Kullħadd jixhdu kif in-numru wieħed tal-establishment reġa’ sab postu jmexxi t-tim ta’ strateġija tal-Partit Nazzjonalista li issa għandu lil Bernard Grech bħala Kap.
Il-filmat esklussiv ta’ ONE News, li se jixxandar aktar fil-bullettin tal-lejla tas-sebgħa u nofs, juri laqgħa f’kantuniera tal-lobby ta’ lukanda ewlenija f’San Ġiljan bejn Richard Cachia Caruana u Ray Bezzina, illum fdat bit-tmexxija tal-uffiċċju ta’ Bernard Grech fid-Dar Ċentrali. Il-laqgħa li saret nhar l-Erbgħa, kienet intenzjonata biex Cachia Caruana, jagħti struzzjonijiet speċifiċi dwar kif għandha timxi t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fiż-żmien li ġej fosthom dwar l-istil politiku li għandu jaddotta Bernard Grech.
Il-gazzetta Kullħadd irrappurtat li l-laqgħa ta’ din il-ġimgħa kienet biss waħda minn sensiela li qed isiru regolarment mindu Bernard Grech kien magħżul mill-istess establishment biex jikkontesta għat-tmun tal-Partit u eventwalment ittajjar qabel il-waqt Adrian Delia. Matul il-laqgħa tal-Erbgħa, li bdiet għall-ħabta ta’ nofsinhar u damet sas-siegħa u kwart ta’ wara nofsinhar, Cachia Caruana għamel aktar minn siegħa jiddetta lil Ray Bezzina, l-eks chief of staff ta’ George Pullicino li kien involut fl-ingaġġ skandaluż fil-Wasteserv sal-aħħar jiem ta’ qabel l-elezzjoni tal-2013.
Ġurnalist ta’ ONE News, li kien fuq il-post b’mod diskret, seta’ jinnota lil Cachia Caruana spiss jiżbroffa u jgħolli leħnu ma’ Bezzina. Minn ftit metri bogħod, stajna ninterpretaw tajjeb ħafna kif Cachia Caruana kien qed jagħti direzzjoni dwar kif għandu jitmexxa Bernard Grech fix-xogħol tiegħu hekk kif dan m’għandu l-ebda esperjenza politika għajr fil-kampanja kontra d-divorzju għaxar snin ilu.
Fil-laqgħa ssemmiet b’mod partikolari l-kwistjoni tal-finanzi tal-Partit u d-djun rikurrenti tiegħu li jammontaw għal miljuni kbar. Fil-laqgħa Cachia Caruana ordna wkoll lil Bezzina biex jgħid lil Bernard Grech isabbat iżjed saqajh kemm internament fil-partit kif ukoll fl-irwol tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Issemmiet ukoll ir-reshuffle fix-Shadow Cabinet li apparti Bezzina kien involut fiha Louis Galea. Fl-istess laqgħa fil-lukanda, Cachia Caruana tkellem dwar nies li għandhom ikunu fil-lista tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u fuq liema distretti għandhom jikkontestaw.
Richard Cachia Caruana hu magħruf li dejjem kellu l-aħħar kelma u rwol ewlieni fl-establishment. Sal-2012 kien Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fi Brussell taħt il-Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi u kien anki konsulent tal-eks Prim Ministru.Fl-2012 kien tneħħa mill-kariga uffiċjali b’mozzjoni storika Parlamentari u meta l-istess Gonzi rriżenja minn Kap tal-partit wara t-telfa tal-elezzjoni ġenerali tal-2013, Cachia Caruana baqa’ jiddetta fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil.
Aktar dettalji dwar din l-istorja esklussiva fil-bullettin tal-aħbarijiet tas-sebgħa u nofs tal-lejla fejn se jixxandru anki filmati tal-laqgħa.