“Ixxukkjata. Qatt ma mmaġinajt li ftit sogħla ħafifa tista’ tfisser li għandi l-coronavirus.”
Kliem mara li rriżultat fil-pożittiv għall-Coronavirus, u li tkellmet ma’ dan l-istazzjon hekk kif tinsab rikoverata ġewwa darha.
Ċempilnilha bit-telefon u għażlet li tkellimna biex tibgħat messaġġ ċar.
Għal raġunijiet differenti mhux qed nagħtu l-identità tagħha iżda kliemha jgħinna nifhmu aħjar kif dan il-virus jolqotlok ħajtek.
Fil-bidu tal-intervista tispjega l-ewwel sintomi.
Kollox beda minn sogħla ħafifa, fejn ħasbet li ma kellha xejn għajr riħ jew influwenza.
Hija stqarret: “Kelli daqsxejn ta’ cough, xejn alarming mhux xi cough li ma nistax nieħu nifs, imma I had a cough, ma kontx naf li l-virus, I took some cough medicine, nagħmel it-temperatura u I was taking panadols every four hours.”
Qaltilna li ċemplet fuq il-helpline, 111, fejn stqarret li sabet għajnuna kbira.
Wara li sarilha t-test u rriżultat fil-pożittiv, iddeċidiet li tibqa’ d-dar għaliex la m’hemmx mediċina biex tfieq, ħasset li hi b’saħħitha biżżejjed biex tibqa’ d-dar u tħalli sodda l-isptar għal min hu aktar fil-bżonn.
Madanakollu dan ma naqqas xejn mix-xokk li ħasset hekk kif daħlet it-telefonata biex jgħidulha li hi infettata bil-Coronavirus.
Hija sostniet: “Xokk. Jien ħsibt li kelli l-influwenza qed tifhem, I had just a cold imma you accept it hux. Qaluli pożittiva. Qalli issa jċempillek it-tabib, jagħmillek il-mistoqsijiet u jekk inti trid tidħol l-isptar indaħħluk l-isptar imma jien m’għandix għalfejn nidħol l-isptar s’issa għaliex fid-dar tiegħi qiegħda komda ħafna.”
Il-mara li qed tgħix esperjenza li qatt ma bassret li se tgħaddi minnha ġiet infettata bil-virus minn trażmissjoni lokali.
Hija tenniet l-appell tal-awtoritajiet biex ħadd ma joħroġ bla bżonn.
Il-mara kompliet tgħid: “Oqogħdu attenti għax this is not a joke. Iktar ma noħorġu u iktar ma jkollna nies ma jifilħux, iktar ħa ndumu ma ngħadduha dil-biċċa xogħol.”
B’dispjaċir spjegat li mhux kulħadd qed jifhem l-importanza li wieħed jibqa’ ġewwa. Appellat biex l-anzjani ma joħorġux bla bżonn u jifhmu li dan il-virus jista’ jirriżulta f’kumplikazzjonijiet f’saħħet il-bniedem.
Hija kompliet tgħid: “It will pass, imma jekk ħa nibqgħu ntellgħu għax kulħadd qed jiġri ’l hemm u ’l hawn, this is never going to finish.”