Grupp ta’ residenti ta’ blokka fi Triq il-Pijunieri f’Buġibba ħadu l-qatgħa ta’ ħajjithom wara li sabu tifel tat-twelid bil-kurdun imwaħħal abbandunat fil-parapett tal-istess blokka.
Is-sejba xokkanti saret għall-ħabta tal-16:00 tal-Ġimgħa waranofsinhar minn wieħed mill-ġirien li mal-ewwel talab għall-għajnuna ta’ żewġ ġirien oħra li dlonk niżlu jagħtu l-għajnuna u ċemplu lil Pulizija. ONE News tkellem ma żewġ nisa li kienu fost l-ewwel persuni li sabu lit-tifel. In-nisa ddisekrivew ix-xena bħala waħda xokkanti u tal-biki hekk kif qatt ma stennew li kien hemm persuni lesti li jabbandunaw tarbija b’dak il-mod.
Huma komplew jispjegaw kif it-tifel li inagħtalu l-isem Cristiano fuq xewqa tal-Maġistrat inkwirenti instab imgeżwer f’xi ħwejjeġ taħt il-letterboxes tal-istess blokka. l-Pulizija elevat il-ħwejjeġ li nstabu mgeżwrin mat-tarbija sabiex tara tistax tikseb xi forma ta’ evidenza permezz ta’ DNA jew marki tas-swaba.
L-investigaturi għad m’ghandhom l-ebda ħjiel dwar omm it-tarbija u l-investigazzjonijiet mhux se jkunu faċli hekk kif fiż-żona li nstabet it-tarbija ma hemm l-ebda cameras tas-sigurtà u sa issa ma nstabet l-ebda xhieda.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Joe Mifsud fejn qabbad lill espert mediku Dr Mario Scerri sabiex jassistih.
Intant, sorsi qrib l-investigazzjoni qalu lil ONE News li it-tifel se jinżamm Mater Dei għall-osservazzjoni u l-Appoġġ sabet Foster Family għat tifel ladarba jiġi rilaxxat mill-isptar.
Kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ għandu jċempel lill-Pulizija fuq in-numru 119.
http://www.one.com.mt/2018/09/07/tinstab-tarbija-abbandunata-fbugibba-1/