Ġuvni ta’ 29 sena jinsab f’qagħda kritika wara li ntlaqat b’tir ta’ arma tan-nar fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-19:30 fi Triq il-Qammiegħ.
Xhieda fuq il-post qalu lil one.com.mt li allegatament persuna mhux magħrufa li kienet wara siġra, allegatament sparat tiri t’ arma tan-nar fid-direzzjoni tagħhom. Il-vann tal-għamla Isuzu kien misjuq minn raġel ta’ 29 sena mill-Mellieħa u miegħu kellu passiġġier ta 30 sena mill-Imsida.
Iż-żewġ persuni sfaw feruti, iżda komplew isuqu l-vettura sakemm waslu sa Triq il-Marfa u waqqfu mal-ġenb tat-triq, fejn issejjħet l-assistenza.
Żewġ ambulanzi sabiex jieħdu lil vittmi l-isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard il-ġuvni ta’ 29 sena Darren Vella, u l-passiġġier ta’ 30 sena, residenti l-Imsida, ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi. L-istess xhieda qalu lil one.com.mt li l-ambulanzi ġew skortati mill-Pulizija tar-Rapid Interention Unit.
Fuq il-post marru numru kbir ta’ Pulizija li qed ifittxu fl-inħawi sabiex jippruvaw jistabbilixxu x’ġara. Fuq il-post qed issir ukoll tfittxija għall-arma li setgħet intużat.
Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li fuq il-każ inħattret Inkjesta Maġisterjali, mill-Maġistrat tal-Għassa Dr N. Camilleri LLD.
Aktar dettalji kif jaslulna.