Norman Vella ħass li bl-istatut kellu dritt li jidħol fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Iżda, il-klikka tal-Kap Adrian Delia ddeċidiet li tħallih barra għax mhix komda b’nies li jiskrutinizzaw il-ħidma tagħha speċjalment jekk dawn ikunu ġejjin minn dak magħruf bħala l-grupp ta’ Simon Busuttil. Dan f’xhieda oħra li fl-istamperija l-inkwiet ma qata’ xejn fejn nazzjonalisti qed isibuha diffiċli jaħdmu ma’ xulxin.
one.com.mt jista’ jiżvela d-dettalji ta’ email li ntbagħtet lill-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista mill-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista. L-email lill-kunsillieri ntbagħtet għax huma n-nies li jeleġġu l-eżekuttiv li Vella ħass li kien wasal iż-żmien li bir-raġun ikun parti minnu.
Vella ried itihom sodisfazzjon dwar l-aħħar żviluppi li seħħew f’laqgħa tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista lbieraħ filgħaxija. Dan meta saret magħrufa t-talba ta’ Vella li persuna li kien elett fl-eżekuttiv u m’attenda qatt għax irtira mill-politika ikun dekadut skont l-istatut. Dan hu Ivan Bartolo li waħda l-ħatra ta’ Delia rtira li jirtira darba għal dejjem mill-ħajja politika.
It-talba ta’ Vella saret lill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Fihom spjega xi jgħid l-istatut u kif hu kellu jidħol fl-eżekuttiv bħala runner up fl-elezzjoni li fiha kien kiseb iktar minn 500 vot. Iżda, il-bieb inżamm magħluq. Vella kiteb – “Qed niktiblek għax bħala Kunsillier/a għandek dritt tkun infurmat b’dak li ġara u biex tkun taf kif qed jiġi stmat l-istatut tal-Partit li jista’ jinbidel biss minna l-Kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali u minn ħadd iktar.”
Vella tenna li hemm responsabbiltà għandha tintrefa’ minn min qed jabbuża u min qed iġib ruħu qisu l-Partit huwa tiegħu u jista’ jagħmel bih li jrid u li jfettillu. Għalkemm fl-istess ħin qal ukoll li se jibqa’ attiv.
Imkejjen fil-PN li wkoll m’għandhomx grazzja mal-grupp ta’ Simon Busuttil u għaddewlna din l-imejl, qalu li filwaqt li kultant l-attitudni ta’ wħud setgħet kienet mhux aċċettabbli ma tistax tittieħed din l-attitudni fil-konfront ta’ min irid jgħin. “Se nnaqsu iktar nies minflok inżidu,” qalu l-imkejjen tagħna li fakkru kif l-aħħar jiem kien hemm biss inkwiet fl-istamperija bil-każ tal-kunflitt ta’ interess ta’ Pierre Portelli.