ONE News jinsab f’pożizzjoni jiżvela l-pjan tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li hemm fis-seħħ bħalissa għas-seduta tal-lejla fejn se tkun diskussa l-mozzjoni tal-Gvern imressqa mill-Whip Naomi Cachia li turi solidarjetà u appoġġ lill-Ispeaker u tikkundanna l-aġir tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Il-pjan huwa li kif jasal il-ħin tal-vot fis-7pm, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista joħroġ ’il barra bi protesta u allura l-ebda Deputat Nazzjonalista ma jirreġistra l-vot tiegħu.
Is-sors tagħna fid-Dar Ċentrali qalilna li dan huwa l-kompromess li ntlaħaq wara li hemm numru ta’ Deputati Nazzjonalisti mhux lesti jivvutaw favur Karol Aquilina iżda huma skomdi li jeħduha fil-beraħ kontrih għax huwa l-Kap de facto u jafu li dan ippatihielhom.
Hu mifhum li Bernard Grech kellu biċċa uġigħ ta’ ras kif se jagħmel u mbagħad farfar minnha billi ma kienx kapaċi jiġbor il-Grupp Parlamentari kollu wara Karol Aquilina.
Jirriżulta li mbagħad is-soluzzjoni kienet li d-Deputati Nazzjonalisti jitilqu ’l barra biex b’hekk ħadd ma jiddikjara l-vot tiegħu fuq Karol Aquilina.
Is-sors tagħna fl-istamperija f’tal-Pietà żied jgħid li Bernard Grech huwa dgħajjef immens fejn iddeċieda li ma jiddeċiedix.
Fl-aħħar jiem fil-Parlament, Aquilina attakka kemm felaħ lill-Ispeaker fejn qallu oxxen, li ma jaħsibx b’moħħu, li huwa sfaċċat u li jista’ jpoġġi fuq in-naħa tal-Gvern.
Il-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista, li jagħti hu l-ordnijiet kemm lil Bernard Grech u lill-partit, saħansitra beda jinterrompi d-diskussjonijiet fil-Parlament u jattakka lill-Ispeaker b’mod insensat b’tali mod li qal li jekk irid joħorġuh mill-Parlament bil-Pulizija.