Membri prominenti tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista baqgħu barra mil-laqgħa meta lbieraħ iltaqa’ l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Dan minkejja li kienu fil-bini tal-Parlament fejn saret il-laqgħa.
F’din il-laqgħa il-grupp iddiskuta għall-ewwel darba l-ftehim bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku. Diskussjoni li saret wara li fl-aħħar jiem il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u d-Deputat Mexxej tagħha, Anthony Buttigieg, ħarġu dettalji li sakemm lissnuhom huma kienu qed jinżammu mistura mill-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista.
L-aħbarijiet li l-kandidati tal-Partit Demokratiku se jkunu fuq l-istess lista tal-Partit Nazzjonalista u li se jkun hemm l-istess manifest nislu rabja kbira fil-grupp parlamentari nazzjonalista li saru jafu bid-dettalji mill-midja.
L-istess rabja kienet espressa fi strutturi oħra u fuq l-aġenda tal-grupp parlamentari tpoġġiet din id-diskussjoni bit-tama li d-deputati jikkalmaw u jkunu huma li meta fil-jiem li ġejjin ikunu fil-każini jitħalltu mal-kumitati sezzjonali jikkalmaw l-affarijiet.
Fil-bulettin ewlieni, fis-19.30, One News se jibda jiżvela l-ewwel dettalji minn dan il-grupp parlamentari li matulu l-Kap prova jagħti l-impressjoni li qed jikkonsulta li xejn mhu finalizzat.
Kienu l-gazzetti tal-Ħadd li żvelaw li l-grupp ma kienx ikkonsultat u li dan qajjem rebus fil-Partit Nazzjonalista.
Minn dakinhar ma kien hemm ebda ċaħda dwar dan il-fatt bl-uniċi dikjarazzjonijiet li saru kienu dawk li l-grupp kien jaf li għaddejin id-diskussjonijiet u Simon Busuttil jgħid li l-ftehim mhux iffinalizzat anke jekk Farrugia u Buttigieg tkellmu dwar dak li kien deskritt mit-Times of Malta bħala done deal.