Fis-sigħat li ġejjin, 72 uffiċjal Malti se jħalli pajjiżna biex imorru jgħinu f’operazzjoni ta’ Search and Rescue fil-ħerba li ħalla l-maltemp qawwi fil-pajjiż ġar tagħna, il-Libja.
Dawn jinkludu 31 ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili, 12-il ħaddiem tal-Forzi Armati ta’ Malta, li jinkludu tobba u infermieri, flimkien ma’ 30 oħra li jagħmlu l-ekwipaġġ tal-lanċa tal-AFM li se twassalhom fil-pajjiż u terġa’ ġġibhom lura.
Dawn il-ħaddiema se jħallu lil pajjiżna minn Xatt it-Tiben permezz tal-lanċa P61. Hu kkalkulat li l-vjaġġ se jieħu jumejn u l-kontinġent Malti se jieqaf f’port f’Benghazi.
Il-midja internazzjonali llum kienet iddominata b’rapporti tal-waħx ta’ kif il-pajjiż ġar tagħna ntlaqat minn maltemp u għargħar qawwi li ħalla eluf ta’ nies mejta u aktar minn 10,000 persuna ġew irrapportati neqsin.
Ġie rrappurtat kif il-maltempat, li ngħata l-isem ta’ ‘Daniel’, saħansitra għarraq kompletament il-belt ta’ Derna, fejn jgħixu mal-100,000 persuna. Dan anke wara li tkissru żewġ diegi u ċedew erba’ pontijiet. F’din il-belt waħedha, tilfu ħajjithom mal-1,500 persuna.
Din il-maltempata, li laqtet lill-pajjiż l-ewwel is-Sibt, qed taffetwa wkoll bliet fil-Lvant, fosthom Benghazi, Soussa u Al-Marj.
Tard it-Tlieta wara nofshinar is-suldati li se jkunu abbord u jwasslu lill-membri tas-CPD fil-Libja, bdew jippreparaw il-lanċa f’Xatt it-Tiben, fejn hemmek għabbew it-tagħmir kollu li se jintuża għall-operazzjoni ta’ salvataġġ mill-uffiċjali Maltin.
Nistgħu niżvelaw kif l-Ambaxxata Maltija fil-Libja, taħt it-tmexxija tal-Ambaxxatur Charles Saliba, qed twettaq moniteraġġ fuq is-sitwazzjoni, anke fejn jidħlu Maltin li jgħixu jew jaħdmu l-Libja stess.
Ta’ min ifakkar kif żewġ djoċesijiet fil-Libja, dawk ta’ Tripli u Benghazi jitmexxew minn Isqfijiet Maltin, George Bugeja u Sandro Overend Rigillo, rispettivament.
Din mhix l-ewwel darba li pajjiżna offra għajnuna umanitarja lil pajjiżi oħrajn f’mumenti koroh bħal dawn, hekk kif din is-sena stess bagħat grupp ta’ salvataġġ wara t-terremot fit-Turkija u riċentament tim Malti ieħor biex jgħin fil-ħerba li n-nirien qawwija ħallew fil-Greċja.
F’post li għamel fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal kif l-awtoritajiet Maltin huma kommessi li jassistu u jsalvaw mhux biss f’pajjiżna, iżda anke popli oħrajn.