Il-kanzunetta li se tirrappreżenta lir-Repubblika Ċeka fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena kienet diġà sottomessa f’Malta biex tipprova tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision ta’ sentejn ilu.
B’mod esklussiv dan is-sit jista’ jikkonferma li l-kanzunetta ‘I Stand’ interpretata minn Gabriela Gunčíková kienet oriġinarjament intefgħet fil-Malta Eurovision bil-vuċi ta’ Priscilla Giordano Psaila magħrufa aħjar bl-isem ta’ Kaya.
Sfortunatament għal Priscilla, il-kanzunetta ‘I Stand’ m’għadditx mis-selezzjoni rigoruża Maltija.
Peress li l-kanzunetta qatt ma rat id-dawl tax-xemx allura kien possibbli li l-kompożituri u l-awturi tal-kanzunetta jittantaw xortihom xi mkien ieħor.
Huma sabu l-kantata Ċeka, bl-istazzjon televiżiv Ċek wettaq selezzjoni interna u aċċetta l-offerta tal-kittieba tal-kanzunetta ‘I Stand’.
Mhux magħruf jekk l-istazzjon kienx konxju li din il-kanzunetta oriġinarjament ma ntlaqgħetx f’pajjiż ieħor.
Ir-Repubblika Ċeka qatt ma rnexxielha tikkwalifika għas-serata finali u din is-sena se tkun qed tikkompeti fl-istess semifinali ma’ Malta.
Intant illum bdew l-ewwel provi ġenerali għall-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-Eurovision. L-impenji ta’ Ira jibdew għada, bl-ewwel prova ġenerali tal-kanzunetta ‘Walk On Water’ tkun tard waranofsinhar.
Ritratt: Il-kantanta Gabriela Gunčíková