It-turnout baxx ta’ 65% fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista wassal biex tinħareġ ordni biex fuq il-midja tal-partit jingħad li kien hemm votazzjoni qawwija.
Sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ one.com.mt li l-Partit Nazzjonalsita ħareġ ordni biex jingħad li kien hemm votazzjoni qawwija ħalli jintbagħat messaġġ favur kap ġdid. Dan biex jipprovaw isewwu l-ħsara kbira li saret tul il-kampanja.
Fil-fatt kienu biss 65% jew ftit aktar minn 15,000 tesserat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li għazlu li jieħdu sehem fl-elezzjoni għall-ħatra tal-kap. Dan meta skont il-kap caretaker Simon Busuttil, il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista kellu jintgħażel minn 23,000 tesserat tal-Partit Nazzjonalista. Dan jikkonferma l-apatija ta’ aktar minn 8,000 tesserat tal-partit innifsu li għażlu li jastjenu fl-elezzjoni bejn Adrian Delia u Chris Said.