Il-Partit Nazzjonalista kellu maħsub numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet biex joqgħod jitkellem dwar id-dokument ta’ qabel il-Budget.
Iżda, f’ġimgħa, m’għamilx waħda.
ONE News jista’ jiżvela li l-Partit Nazzjonalista reġa’ bidel il-pjan wara li ġie żvelat li dan kien dokument mimli żbalji.
Saħansitra ġie deskritt bħala ‘mess’ mill-midja indipendenti.
Li, fil-fatt, kien hemm pjanati sensiela ta’ attivitajiet kien żvelah Jerome Caruana Cilia, il-kelliem għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
Fit-tnedija tal-Dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista, huwa kien qal li kienu se jsiru numru ta’ inizjattivi biex jispjegaw id-dokument.
“Irrid ngħid illi, fil-jiem li ġejjin, se nkunu qed nagħtu iktar dettalji mid-deputati rispettivi, settur settur, dekasteru dekasteru, naturalment, dwar l-oqsma varji.”
Sorsi fid-Dar Ċentrali spjegawlna li kien hemm deputati li ma riedu li jkollhom x’jaqsmu xejn ma’ dan id-dokument; dokument li mhux biss hu mimli ‘spelling mistakes,’ imma fih dettalji ekonomiċi żbaljati, wegħdi li diġà twettqu u taparsi proposti doppji.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar suġġett differenti, staqsejna lid-deputat Graziella Attard Previ għaliex tħassru dawn il-konferenzi tal-aħbarijiet. Qaltilna li xi raġuni hemm.
Ġurnalist – “Il-Partit Nazzjonalista qal li kellhom isiru numru ta’ press conferences biex jispjega dan id-dokument. Għaliex ma sarux?”
Graziella Attard Previ: “Żgur illi x-schedule ta’ kif jitqassam ix-xogħol kellu jitwettaq.”
Ġurnalist – “Ma twettqux imma dawn il-press conferences.”
Graziella Attard Previ: “Żgur li jkun hemm raġunijiet.”
Fl-istess ħin, Attard Previ qaltilna li hi kuntenta bil-pre-Budget tal-partit.
Ġurnalist: “Kuntenti bil-Pre Budget Document tal-Partit Nazzjonalista?”
Graziella Attard Previ: “Iva kuntenta.”
Ġurnalist: “Minkejja dak li kien irrappurtat mill-midja indipendenti?”
Graziella Attard Previ: “Il-Pre Budget Document irrikjeda ħafna xogħol”
Id-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista kien sors ta’ kritika kbira għall-Partit tal-maduma u għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Proprju ftit tal-jiem ilu l-editur maniġerjali tal-MediaToday u ġurnalist ta’ esperjenza Saviour Balzan, sostna li Bernard Grech lanqas biss qara d-dokument li ppreżenta l-partit tiegħu stess.
Balzan, saħansitra sostna li, anke jekk Bernard Grech qara d-dokument, ħaqqu ċamata talli kien traskurat. Qal ukoll li dan il-każ jikkonferma mill-ġdid kemm il-Partit Nazzjonalista m’għandux sustanza.
Tal-istess fehma kien l-editur tal-gazzetta Illum, li fl-editorjal tiegħu nnota d-dokument ta’ qabel il-Budget mimli żbalji tal-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra l-editur tal-Illum stieden lill-Partit Nazzjonalista biex jara dokumenti ta’ msieħba soċjali oħrajn li saru bi professjonalità u li qajmu punti pertinenti.
Intant in-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq materja ta’ importanza saħansitra kompliet tidher fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-Ħamis filgħodu.
Dan hekk kif waqt li kien qed jitkellem, problema teknika saħansitra kixfet kemm ma kienx infurmat dwar il-liġijiet li kien qed jitkellem fuqhom, tant li nfexx iqalleb fil-karti biex jinforma ruħu dwar dak li kien qed jgħid.