Il-Pulizija għadha qed tistabilixxi d-dinamika tal-każ li wassal għal sejba ta’ raġel maqtul f’bagoll f’karozza fil-Wied ta’ Ħal Qormi. Fosthom jekk il-persuna li nstabet mejta nqatlitx fil-post fejn instabet. Filfatt ONE News hu nfurmat li l-Pulizija qed timxi fuq it-teżi li r-raġel ma nqatilx fuq il-post li fih instabet il-karozza, għax fuq il-karozza u madwarha ma nstabu l-ebda traċċi ta’ demm. L-ammont ta’ demm li nstab fil-bagoll tal-karozza u li kien niexef ma jindikax lir-raġel inqatel fil-bagoll tal-karozza, dan minħabba li ma kienx hemm ammont ta’ demm kbir li juri d-demm li jitlef bniedem x’ħin jinqatel.
Hu mifhum li l-investigaturi qegħdin fi ġlieda kontra l-ħin biex jistabilixxu fejn inqatel ir-raġel misjub mejjet fil-bagoll tal-karozza t-Tlieta. Hu mifhum ukoll li l-karozza kienet ilha pparkjata bejn erba’ u ħamest ijiem fil-post fejn nstabet fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi.
Sa issa l-katavru li nstab għadu ma ġiex identifikat minħabba li nstab fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni u se jkunu t-testijiet li jikkonfermaw jekk il-katavru huwiex ta’ sid il-karozza li fiha nstab, jiġifieri ta’ Mario Farrugia ta’ tnejn u sittin sena minn Pembroke. Apparti t-testijiet li qegħdin isiru se tkun ukoll l-awtopsja li se tiddermina l-identità tal-katavru li nstab u anke biex eventwalment inqatel. Sorsi qalu li mill-ewwel stħarriġ jidher lir-raġel qala daqqiet b’xi arma taqta’ iżda se tkun l-awtopsja li mistennija ssir il-Ħamis li tiddermina dan.
Mhux eskluż ukoll li f’dan l-istadju jkunu qed isiru testijiet oħra fuq il-katavru b’rabta mal-COVID-19, dan bħala prekawzzjoni.
Farrugia għadu rappurtat nieqes u l-aħħar li deher kien nhar it-28 ta’ Marzu li għadda. Il-karozza tat-tip Peugout 407 bi pjanċi tar-reġistrazzjoni BGY 074 hi reġistrata fuq Farrugia.
ONE News jista’ jikkonferma li l-karozza nstabet imsakkra u sa issa ċ-ċwievet ma nstabux fil-karozza.
Kien għal ħabta tal-10:30 tat-Tlieta filgħodu li l-Pulizija daħlilha rapport li fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi kien hemm karozza pparkjata, karozza tat-tip Peugout ta’ lewn griż li minnha kienet ħierġa riħa tinten.
Malli l-Pulizija marru fuq il-post u fetħu l-bagoll ta’ din il-karozza sabu katavru b’wiċċu mgħotti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mill-Iskwadra tal-Omiċidji bil-għajnuna tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi u San Ġiljan taħt il-kappa ta’ inkjesta Maġisterjali.