Jean-Pierre Debono li l-bieraħ rebaħ elezzjoni interna tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex ikun id-deputat co-opted flok David Stellini mistenni jċedi s-siġġu minħabba allegazzjonijiet ta’ irregolaritajiet fil-vot tal-bieraħ.
Informazzjoni esklussiva li daħlet tard illejla għand ONE News tgħid li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista għaddejja b’xogħol sabiex tipprova tevita li teskala sitwazzjoni fejn il-vot tal-bieraħ jispiċċa wieħed null. Dan wara li llejla stess il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex tal-PN hedded lit-tmexxija ta’ Delia li se tkun qed tiftaħ kawża kontra l-Partit Nazzjonalista jekk id-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ ma’ tiġix nullifikata. Ftit tal-ħin wara, Mark Anthony Sammut, li rreżenja minn President tal-Eżekuttiv qal fuq Facebook li kien hemm talinqas tnejn li vvutaw fl-elezzjoni tal-bieraħ għall-co-option li filfatt lanqas kellhom dritt tal-vot. L-elezzjoni għas-siġġu parlamentari ntrebħet minn Debono bi 42 vot favurih u 40 vot favur Kevin Cutajar, kandidat nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017.
Debono li kien elett mis-7 distrett kien id-deputat Parlamentari li ċeda s-siġġu biex seta’ jagħmel wisa’ lil Adrian Delia biex ikun Kap tal-Oppożizzjoni. Delia kien sab reżistenza biex isib siġġu u kien Debono li dak-in-nhar kien issagrifika postu fil-Parlament.
Dan it-taħwid kollu ta’ irregolaritajiet qed iwassal biex għaddejjin diskussjonijiet illejla sabiex Jean-Pierre Debono jċedi s-siġġu Parlamentari lil Kevin Cutajar, li kien qed ikun imbottat mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u Jason Azzopardi.
Il-fazzjoni ta’ Busuttil u Azzopardi qed tiekol lil Adrian Delia minn ġewwa u jidher li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista reġa’ għal darb’oħra se jċedi l-armi, din id-darba billi jerġa’ joffri lil Debono bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju.