Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri stqarr li mal-President ta’ Malta, George Vella huwa astjena.
Kien ONE News li żvela dan it-Tnejn filgħodu fuq one.com.mt wara li Spiteri kien ikkuntatjat bit-telefon u stqarr li meta ġie msejjaħ f’Sant’Anton biex juri f’min għandu fiduċja, Spiteri astjena u qal li s-siġġu parlamentari huwa tal-votanti li eleġġewh.
“Imma ma jiddispjaċikx li mort kontra rieda tat-tesserati? Jien quddiem il-President astjenejt. Għax is-siġġu mhuwiex tiegħi imma tal-votanti li tawhuli. Iddiskutejt is-sitwazzjoni filfatt jien qiegħed irreġistrat li astjenejt.” Qal Spiteri.
Stephen Spiteri kien wieħed mid-dsatax-il deputat li sfiduċja l-Kap Nazzjonalista f’laqgħa tal-grupp parlamentari nhar it-Tlieta bil-lejl.
Ma’ ONE News ikkonferma dak li kienet żvelat din il-kamra tal-aħbarijiet, jiġifieri li huwa kien fost dawk li sfiduċjaw lil Delia.
Spiteri kompla jgħid, “Jien ivvutajt fl-istrutturi tal-Partit li bil-mudell ta’ Adrian Delia l-Partit mhux jagħmel avvanzi. Turuh il-polls, m’hemmx biżżejjed nies biex nimxu ‘l quddiem. Allura bilfors kelli nagħti dak is-sinjal.”
Fi Frar illi għadda, id-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi kien tefa’ lil Stephen Spiteri fost is-sbatax-il eroj blu ta’ kontra Adrian Delia.
Stephen Spiteri kien ċaħħadha u urta ruħu li tefgħuh f’dik il-keffa iżda ma’ ONE News qal li kien diġà beda jitlef il-fiduċja fil-Kap Adrian Delia.
“Kont ċħadtha għaliex dak iż-żmien kont naħsibha ejja naraw x se jiġri imma illum ħassejt mod ieħor.” Temm jgħid Spiteri.
Spiteri kien meqjus bħala deputat leali lejn Adrian Delia iżda tilef il-fiduċja fih kif tilfuha wkoll id-deputati Kristy Debono u Hermann Schiavone