Ir-raġel li dal-lejl tajjar u qatel lil mara fil-Gżira, ma kienx jaf lill-vittma u kien taħt l-effett tad-droga.
ONE News jinsab infurmat li r-raġel ta’ 33 sena minn Ħal Lija, ta’ dixxendenza Franċiża u Alġerina, li jinsab f’idejn il-Pulizija, ma kienx jaf lill-vittma, iżda kienet miexja fit-triq fejn seħħ il-każ u tajjarha.
Jirriżulta wkoll li mit-testijiet li saru lir-raġel, kien qed isuq taħt l-effett tad-droga.
Bl-effett tad-droga, jista’ jkun li kellu delużjonijiet li jagħmluh iħossu omnipotenti.
Il-każ seħħ dal-lejl għall-ħabta tas-siegħa, meta r-raġel baqa’ dieħel bil-karozza tat-tip BMW ġo pompa tal-petrol u wara ġo faċċata ta’ stabbiliment tal-ikel.
Huwa tajjar Torka ta’ tletin sena mill-Gżira li ġiet iċċertifikata metja ftit tal-ħin wara.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News jidher li wara l-ħabta, ix-xufier tal-karozza sar aggressiv ma’ xi nies li kien hemm fuq il-post u mal-pulizija.
Filwaqt li beda jheddidhom u jwaddab xi ġebel li sab fl-art, il-Pulizija tawh ordni biex ineħħi l-ġebel minn idu, iżda injora l-ordnijiet.
Kien hawn li kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u jiġi arrestat.
Ix-xufier qed jinżamm mill-Pulizija.
Dwar il-każ għaddejja inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.